Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja fil-lokalitajiet tal-Fontana, tal-Għasri u tal-Għarb, se jiġu organizzati tliet attivitajiet bil-għan aħħari li jippromwovu l-prodott lokali u s-sengħa abbinata miegħu.
Fil-Fontana, il-Kummissjoni Żgħażagħ Fontana se torganizza t-tieni edizzjoni tal-Festival tal-Inbid, fir-raħal tal-Għasri l-kunsill lokali għal sena oħra se jorganizza l-festival annwali Wine, Olive Oil, and Honey, filwaqt li l-Kunsill Lokali tal-Għarb se jorganizza festival innovattiv bl-isem ta’ Gozo Herb Fest.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-kollaborazzjoni bejn il-ministeru, il-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji qed tħalli l-frott peress li qed jiġu organizzati attivitajiet li jippromwovu t-tradizzjonijiet u d-drawwiet li jsawruna. Żiedet li permezz tal-inċentivi li qed jgħaddi l-Ministeru għal Għawdex biex jiġu organizzati dawn il-festivals tematiċi, qed inkomplu nsaħħu l-aspett volontarju u li għadu b’saħħtu f’Għawdex kif ukoll il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-komunità.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Għasri Dr Daniel Attard qal li l-festival organizzat mill-kunsill lokali bil-għajnuna ta’ ħafna voluntiera se jintroduċi elementi ġodda biex ma’ dawk diġà stabbiliti jkompli jkun ta’ attrazzjoni għall-mijiet ta’ familji li ta’ kull sena jipparteċipaw.
Jean Luc Debrincat mill-Kummissjoni Żgħażagħ Fontana qal li din is-sena l-Festival tal-Inbid se jsir b’differenza peress li l-inbejjed magħżula u li jikkompetu huma kollha nbejjed prodotti minn dwieli mkabbrin f’Għawdex.
Min-naħa tiegħu, David Apap Agius, is-Sindku tal-Għarb, qal li l-lokalità tal-Għarb saret sinonima ma’ festivals tematiċi u innovattivi u Gozo Herb Fest hu proġett ieħor minn kullana ta’ attivitajiet li l-kunsill se jorganizza matul is-sena.
L-organizzaturi rringrazzjaw lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tas-sostenn kemm finanzjarju kif ukoll loġistiku biex dawn l-attivitajiet ikunu ta’ suċċess u jservu ta’ vetrina għal kull min jagħżel li jqatta’ tmiem il-ġimgħa f’Għawdex.
Fontana Wine Festival – il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru
Wine, Olive Oil & Honey – is-Sibt, 21 ta’ Settembru
Gozo Herb Fest – il-Ħadd, 22 ta’ Settembru