It-Teatru Manoel għadu kif kiseb numru ta’ strumenti rari u ta’ valur kbir li tħallew minn Dr George Debono, li kien jibni l-istrumenti hu stess.
“Bħala parti mill-istrateġija tagħna biex inkomplu nippromwovu l-arti u l-kultura, it-Teatru Manoel qiegħed ikompli jaħdem biex ipoġġi d-dinja barokka b’mod aktar preżenti fl-attivitajiet kulturali ta’ gżiritna, permezz ta’ Festival Internazzjonalital-Barokk u l-ispettakli li jsiru matul is-sena, mhux biss fil-Belt Valletta imma wkoll madwar pajjiżna. Il-manutenzjoni u ż-żamma ta’ dawn l-istrumenti hija wkoll eżempju ta’ dan. Apparti minn hekk, mhux biss qegħdin narrikkixxu l-kalendarju kulturali tagħna, imma grazzi għas-settur kulturali estensiv li għandna li dejjem nistgħu nagħmluh aktar aċċessibbli permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Dawn l-istrumenti jinkludu pjanu tad-ditta Broadwood tal-1888, li jista’ jitqies bħala l-aktar parti ewlenija ta’ din il-kolezzjoni.
Dan il-pjanu ġie rrestawrat grazzi għal The Friends of the Manoel, u huwa pjanu li juri r-reġistri differenti ta’ dan l-istrument b’mod ċar ħafna. The Friends of the Manoel were ġew rappreżentati mis-Sinjura Carmen Gatt Baldacchino b’ żewġ eredi ta’ Dr Debono, is-Sinjura Marie Cabourdin u s-Sur Paul Debono, li kienu wkoll preżenti.
Ġew miksuba wkoll żewġ Viola da Gambas li huwa strument tal-korda u bl-ark li jindaqq b’mod simili tal-vjolinċell u li deher għall-ewwel darba fl-Ewropa lejn l-aħħar tas-seklu 15, fejn beda jsir aktar popolari maż-żmien waqt il-perjodu tar-Rinaxximent u l-Barokk.
L-istrumenti oħra li ġew miskuba huma vjolinċell barokk, li huwa akbar minn vjolinċell tipiku, u huwa kkaretterizzat b’ħoss aktar baxx, flimkien ma’ żewġ klavikordji, strument bil-kordi u bit-tastiera f’forma rettangolari li kien jintuża spiss lejn l-aħħar tal-Medju Evu, u matul ir-Rinaxximent, il-Barokk, u ż-Żmien Klassiku.
Kenneth Zammit Tabona, id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel u l-Festival Internazzjonali tal-Barokk qal li, “il-qatt minsi Dr Debono, iz-ziju tiegħi George, kien dejjem persuna teknika u dan kien minħabba l-imħabba tiegħu lejn il-mużika barokka, b’mod partikolari Bach.
Eventwalment dan ispirah biex jibda jagħmel l-istrumenti tal-korda hu nnifsu. Meta fl-2012 it-teatru nieda l-festival tal-barokk, hu sar it-tabib li kien jiġi msejjaħ għal dawk l-istrumenti li kellhom il-ħsara”.
Il-pjanu ta’ Broadwood se jkun l-ewwel strument minn dawn li se jintuża waqt kunċert tat-Teatru Manoel, nhar l-Erbgħa 13 ta’ Noembru fit-20:00, li se jieħu l-ħajja waqt kunċert ta’ Mozart mill-Ensemble DeNote. Il-kunċert huwa appoġġjat minn The Friends of the Manoel u se jittella’ b’tifkira tal-maħbub Dr George Debono.