Fi tmiem il-ġimgħa li ġej seba’ għassara ewlinin f’pajjiżna li jipproduċu inbid ta’ kwalità biċ-ċertifikazzjoni ta’ DOK Malta u DOK Gozo se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom sabiex in-nies ikunu jistgħu ikunu parti mill-ħidma tal-produzzjoni tal-inbid.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri f’konferenza stampa li ttellgħet f’għalqa t’għoxrin tomna dwieli li l-għeneb tagħhom kollu jingħasar għall-dan l-inbid.
Għall-aktar informazzjoni dwar din l-attività ġie mniedi wkoll sit elettroniku bl-isem ta’ www.winesofmalta.gov.mt sabiex wieħed ikun jista’ jikseb aktar informazzjoni fuq il-wine trail u kull informazzjoni oħra dwar dak li għandu x’jaqsam mal-inbid f’pajjiżna.
Camilleri sostna li bħalissa hawn madwar 800 persuna li jkabbru d-dwieli. S’issa f’Malta u Għawdex hawn 12-il għassar tal-inbid DOK u IĠT li bejniethom jipproduċu madwar żewġ miljun flixkun fis-sena.