Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa beda jikkummenta b’mod li jipprova jitfa’ dubju dwar in-nomina ta’ Helena Dalli għal Kummissarju Ewropew responsabbli għall-ugwaljanza.
Dan bi sfida diretta lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li għamilha ċara li fuq kwistjoni bħal din irid jidher differenti minn kif kien il-Partit Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil.
Iżda Casa komdu iktar bl-istil tal-Eks Kap Simon Busuttil, u fl-aħħar sigħat fuq Facebook donnu beda jpoġġi l-kundizzjoni fuq x’għandha tagħmel Helena Dalli.
Id-dikjarazzjoni ta’ Casa saret, fl-istess ħin li n-nomina ta’ Helena Dalli baqgħet tiġbed l-appoġġ minn barra l-pajjiż.
Julie Ward, Membru tal-Parlament Ewropew Ingliż, magħrufa għall-ħidma tagħha favur l-ugwaljanza laqgħet b’entużjażmu n-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew għall-ugwaljanza.
Meta kienet f’pajjiżna fl-aħħar jiem għall-konferenza organizzata mill-Partit Soċjalista Ewropew u l-PartitLaburista, Ward fissret kif tinsab entużjasta ħafna għal din in-nomina għax qalet li b’Helena Dalli se jkollna lil xi ħadd ta’ statura li jaħdem fuq livell ewropew fuq suġġett daqstant importanti.
Saħqet li bħala Ministru tal-Gvern Malti għamlet numru ta’ bidliet progressivi f’Malta u għandna nħarsu lejn Malta bħala mexxejja f’numru ta’ oqsma fosthom id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ.