Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol Clifford Gatt Baldacchino ngħata l-libertà proviżorja wara li appella mis-sentenza tal-ewwel Qorti li kkundannatu għal ħmistax – il xahar ħabs.
Il-plejer ta’ Gżira United instab ħati li ffastidja u li beżża lill-eks sieħba tiegħu.
L-avukati tal-plejer qalu li s-sentenza li kienet waħda ħarxa u argumentaw li l-ħati ma setax jaċċetta li temm ir-relazzjoni tiegħu mal-eks sieħba. Qalu wkoll li qiegħed jagħti servizz lill-istat bħala plejer mat-tim nazzjonali.
Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għat-talba għall-ħelsien basta l-kundizzjonijiet ikunu stretti.
Gatt Baldacchino ngħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li sal-għaxra tal-filgħaxija jrid ikun id-dar ħlief f’dawk il-ġranet li jkollu l-futbol. Huwa ma jistax jikkuntatja lill-eks sieħba tiegħu u ma jistax jivvjaġġa mingħajr il-permess tal-Qorti.