Tliet kwarti tal-persuni li jbatu mid-dipressjoni ma jfittxux l-għajnuna meħtieġa.
Dan joħroġ minn statistika tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, li turi kif f’pajjiżna, 34 elf ruħ jew madwar 7% tal-popolazzjoni f’Malta jbatu mid-dipressjoni.
Il-kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia, spjega ma’ ONE News kif madwar 26,000 ruħ f’pajjiżna li jbatu mid-dipressjoni, ma jfittxux l-għajnuna.
Numru inkwetanti, speċjalment għaliex iżjed ma’ wieħed idum biex ifittex l-għajnuna, iżjed il-problemi jikkumplikaw.
“Hija statistika inkwetanti għaliex illum jeżistu sistemi moderni biex inti tikkura d-dipressjoni, kemm permezz ta’ mediċini kif ukoll terapiji biex inti tieħu ħsieb. Il-problema prinċipali jibqa’ n-nuqqas t’għarfien, il-biża’, in-nuqqas t’azzjoni kmieni li tfisser allura imbgħad terapija iktar ikkumplikata u iktar kumplikazzjonijiet.” Stqarr il-Kummissarju Cachia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni Richmond, Stefania Dimech Sant saħqet kif hemm diversi raġunijiet għaliex persuna ma tfittix l-għajnuna.
“Ma jfittxux l-għajnuna għal diversi raġunijiet, jew għax ma jirrealizzawx li qed ibatu minn dipressjoni u allura ma jkunux jafu x’iridu jagħmlu, jew għaliex għadhom jibżgħu anke minħabba stigma ta x’ħa jgħidu n-nies u x’se tkun ir-reazzjoni, jekk jiena ikun ikkonfermat li għandi problema ta’ saħħa mentali.” Saħqet Dimech Sant.
Temmet tappella lil min ibati mid-depressjoni, biex dejjem iżomm f’moħħu li dawk kollha li jfittxu l-għajnuna kmieni, jistgħu jgħixu ħajja produttiva u bla xkiel.