Ħafna minnha ltqajna ma’ Matilda fil-paġni tal-ktieb tant maħbub ta’ Roald Dahl meta kellna dawk il-11-il sena.
F’April li ġej, Matilda se terġa’ ssaħħarna bl-imħabba tagħna lejn il-letteratura minn fuq il-palk ta’ Dar il-Mediterran, grazzi għall-kumpanija teatrali lokali, Masquerade. Masquerade bħalissa għaddejja bil-proċess tal-għażla tal-atturi għal din il-produzzjoni, kif spjegalna d-direttur, Anthony Bezzina.
Bezzina qalilna “Ġibna r-rights għal Matilda imma kellna ħafna restrizzjonijiet għax hija l-unika musical li għadha invoga l-Ingilterra, u l-eewel darba li ħarġet mill-Ingilterra marret Iceland. Issa għall-ewwel darba ġejja Malta fl-Ewropa. Id-dirġienti ta’ Matilda għamlu ħafna vatting u interviews biex ituna l-produzzjoni”.
Fost ir-restrizzjonijiet li nsatbu waqt il-proċess tax-xiri, kien hemm il-kwistjoni tad-differenza fil-kultura fix-xogħol teatrali bejn il-West End u Malta.
Bezzina sostna li “Jekk int għandek set ta’ tfal. Jagħmlu kuntratt fejn ikollhom inhouse tuition, jagħmlu l -provi għal sitt ġimgħat. Hawn differenti, ħafna mjll-atturi tagħna għandhom xogħolhom ukoll, u għalkemm ir-riżultat huwa professjonali inti trid tibda minn qabel”.
Bezzina spjegalna wkoll li dan il-musical jorbot lid-diretturi biex jagħżlu atturi ta’ ċertu tul biex il-karattri jibqgħu leali kemm jista’ jkun għall-kreazzjoni ta’ Roald Dahl.
“Meta nagħmlu x-xelta, se nibagħtu l-auditions barra u niddiskutu l-aħjar combination ta’ atturi”, tenna jgħid Bezzina.
Anthony Bezzina flimkien ma’ martu Veronica ilu fix-xena teatrali lokali għal dawn l-aħħar tletin sena. Permezz ta’ Masquerade, il-koppja Bezzina wasslu musicals bħal 1565, Annie, u Joseph and the Amazing Technicolour Dreamcoat fuq il-palk Malti.
Bezzina temm jgħid li tul dawn is-snin kollha s-settur teatrali Malti kiber u sar aktar ambizzjuż, iżda dejjem tibqa’ l-isfida tal-udjenza, li f’Malta donnu hemm nukleu ta’ persuni għal ġeneri differenti ta’ teatru.
Bezzina temm jgħid li “Fil-fatt hawn nukleu tal-opra per eżempju, fil-fatt Għawdex dejjem mimli. Bil-mod naħseb li s-settur kulturali anke grazzi lill-Arts Council u kull mhu qed isir, huwa tajjeb”.
Matilda the Musical se tittella’ f’April tal-2020 f’Dar il-Mediterran, bl-aħħar ftit auditions għall-partijiet kollha tal-musical se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.