L-iżvilupp ta’ villa fi Sqaq Anton Mallia fiż-Żebbuġ Għawdex ġie imwaqqaf ħesrem u t-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar irid
jieħu deċiżjoni dwar l-iżvilupp propost fi żmien 3 xhur.
Dan wara li l-Awtorità tal-Ambjent u tar-Riżorsi resqet l-ilmenti tagħha dwar dan l-iżvilupp li skont l-Awtorità, tliet kwarti minnu huwa parti miż-żona ta’ barra l-iżvilupp.
L-ERA qed targumenta li l-iżvilupp propost se jneħħi t-tarf tal-irdum u se jinħoloq belvedere privat.
“Is-sit fejn qed tiġi proposta li tinbena villa huwa wieħed sensittiv u l-iżvilupp mhuwiex konformi mal-oġġettivi tal-pjan strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp”, saħqet l-ERA fi stqarrija.
Fl-appell tagħha l-ERA tħoss li l-permess ġie approvat minkejja li min ressaq l-iżvilupp ma tax l-informazzjoni mitluba mill-ERA fost l-oħrajn.
Fid-dawl ta’ dan l-appell, ix-xogħlijiet waqfu u l-iżviluppatur ma jistax ikompli għaddej.