Il-kelma transformazzjoni tfisser ħafna. Tista’ tfisser it-traġitt li kull wieħed u waħda minnha jagħmel biex sa fl-aħħar isir il-persuna li dejjem xtaq isir.
Għal faxxa partikolari tas-soċjetà din hjia realtà kemmxejn aktar diffiċli li jaffaċċjaw kuljum. Bid-dokumentarju Transformazzjoni, il-Malta Gay Rights Movement se titfa’ dawl fuq erba’ realtajiet possibbli ta’ persuni transgender f’Malta.
Alex Caruana, li fassal id-dokumentarju, fisser minn fejn ġietu l-idea li jibni storja fuq ir-rakkonti ta’ erba’ persuni fil-komunità Transgender.
Caruana stqarr magħna li “meta naħsbu fuq persuna trans tiġina immaġini speċifika u naħsbu fil-persuna bħala trans biss, qisu ħajjithom iddur mal-identità. Fil-verità nies bħali mmorru l-iskola, nistudjaw, immorru għax-xogħol, u ridna nuru li aħna bħal kull persuna oħra għandna l-ħajja tagħna”.
Caruana qal ukoll li l-vjaġġi tal-erba’ parteċipanti huma lkoll differenti.
“Bejn il-parteċipanti hemm ftit differenza. Brenda għandna 49 sena, u r-realtà tagħha ta’ tletin sena ilu hija differenti minn taż-żgħar. Għandna anke żagħżugħ ta 18-il sena. Brenda eżempju kienet ma’ grupp kbir u affaċċjaw hafna stigma fis-soċjetà”, sostna Caruana.
Qal ukoll li grazzi għal-liġijiet progressivi li għadda l-Gvern fl-aħħar snin biex il-komunità LGBTIQ tgawdi minn ugwaljanza assoluta għenu ferm, iżda issa l-komunità stess trid tkompli tiġġieled l-istigma.
Caruana tenna kif “sieħbi din il-ġimgħa kien sejjer lura d-dar, xi ħadd ġibidlu l-basket, qaċċtu, għajru u beżżaqlu u harab jigri. Sieħbi induna li ġara hekk ghax kien hemm in-nies. Attakka għax deher li ma kienx straight jew tal-istess gender“.
Iltqajna wkoll ma’ Reb Xiberras, parteċipanti oħra fid-dokumentarju, li se jirrappreżentaw b’mod eċċellenti faxxa oħra tal-komunità Transgender f’Malta, l-hekk imsejjaħ non-binary.
Spjegaw li persuni non-binary huma “persuni li ma jidentifikawx mal-ebda ġeneru. Inti jkollok is-sess u l-ġeneru li tiddentifika miegħu. Il-ġeneru huwa moħħok u s-sess huwa l-bqija ta’ ġismek”.
Reb qalu wkoll li minkejja l-isfidi, jidher li bosta membri tal-pubbliku huma lesti jedukaw ruħhom dwar ir-realtà ta’ din il-faxxa tas-soċjetà. Spjegaw li d-differenza tista’ anke b’azzjonijiet żgħar bħal sempliċiment x’tip ta’ lingwaġġ nużaw.
Filfatt, ammettew li “irid ikun hemm għarfien u alllura meta ma kienx hawn għarfien għal tul ta’ żmien nemmen li trid tifhem il-bqija tas-soċjetà li jaraw l-affarjiet iswed jew abjad, imma issa qed jiġi xi ħadd u jgħidilhom hemm il-griż fin-nofs ukoll, u dik hija riflessa fil-lingwa”.
Id-dokumentarju Transformazzjoni se jintwera fi Spazju Kreattiv nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Settemrbu. Id-dħul huwa mingħajr ħlas.