Sirjan kellu jinħareġ mill-awla tal-Qorti mill-Pulizija wara li qajjem kommossjoni sħiħa malli tgħarraf li kien se jinżamm arrestat.
Ibrahim Mohammad, ta’ għoxrin sena mis-Sirja tressaq il-Qorti akkużat li darab ħafif raġel Libjan waqt argument li kellhom bejniethom.
Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjoniet marbuta mal-ħelsien mill-arrest u ordni ta’ probation.
Mohammad ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u qal lill-Maġistrat li jrid imur lura pajjiżu sabiex jgħix m’ommu.
Madankollu l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Agius, spjegat li l-familja ta’ Mohammad ma riduhx jgħix magħhom u li bħalissa m’għandux saqaf fuq rasu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ilu erba’ snin jgħix Malta u xellef difrejh mal-ġustizzja iktar minn darba. Qalet li għalhekk m’għandux jingħata l-ħelisen mill-arrest.
Kien hawn li l-akkużat qabad jgħajjat bil-qorti tordna li jiġi mmannettjat u jinżamm arrestat.