L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) organizzat attività biex tfakkar l-20 sena sa mit-twaqqif tagħha. Din l-inizjattiva kienet parti minn sensiela ta’ attivitajiet li l-Assoċjazzjoni organizzat matul din is-sena biex tfakkar dan l-anniversarju importanti fl-istorja tagħha.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret l-impenn tal-Assoċjazzjoni li matul dawn l-aħħar 20 sena kienet attiva mhux biss biex issaħħaħ is-settur tat-turiżmu f’Għawdex, imma wkoll ħadmet id f’id mal-gvern fi tfassil ta’ proposti u inizjattivi ġodda importanti għal Għawdex.
Hija rrimarkat kif matul dawn l-aħħar 20 sena, il-membri tal-GTA ħadmu biex ikomplu jattiraw lejn xtutna aktar viżitaturi u dejjem poġġew l-interess tal-gżira Għawdxija qabel tagħhom.
Hi rrimarkat li s-settur turistiku f’Għawdex inbidel u filwaqt li għelibna l-isfida tal-istaġjonalità, issa qed inħabbtu wiċċna mal-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema li qed jaħdmu jew saħansitra jaspiraw li jkollom karriera f’dan is-settur. Għalhekk il-ħtieġa li l-ITS fil-Qala toffri iktar opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ.
Il-Ministru Caruana tenniet l-impenn li qed juri l-Ministeru biex jattira aktar viżitaturi lejn il-gżira Għawdxija, mhux biss b’investimet qawwi fl-infrastruttura madwar il-gżira, imma wkoll b’għadd ġmielu ta’ attivitajiet popolari matul is-sena kollha u b’titjib konsiderevoli tal-konnettività bejn il-gżejjer.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kkonkludiet billi ferħet u rringrazzjat lill-Assoċjazzjoni u lill-membri preżenti u passati tagħha għas-servizz tagħhom lill-gżira Għawdxija filwaqt li awgurat kull suċċess għas-snin li ġejjin.
Waqt din l-attività, saru indirizzi miċ-Chairman tal-GTA, is-Sur Paul Scicluna kif ukoll minn Dr Gavin Gulia, Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-membri kollha li taw kontribut fi ħdan l-Assoċjazzjoni ngħataw tifkira ta’ apprezzament.