Matul l-2017, Malta klassifikat bħala l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li rnexxielu jtejjeb ir-rata tal-ġbir tat-taxxa tal-VAT.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Ewropea nnotat li matul is-sena li għaddiet pajjiżna kien fost l-inqas pajjiżi Ewropew li qed jitlef flus minn taxxa tal-VAT li mhux tinġabar.
Fil-fatt matul is-sena li għaddiet biss Malta naqqset id-diskrepanza ta’ VAT mhux miġbura b’sebgħa fil-mija biex waqt li fl-2014 tilfet €351 miljun ewro, tliet snin wara Malta naqqset dan it-telf għal €13-il miljun.
Din il-waqgħa pożittiva wasslet biex mill-ħames l-agħar pożizzjoni fl-2013 b’persentaġġ ta’ 28%, Malta llum qed tikklassifika mal-aqwa erba’ pajjiżi b’diskrepanza minima ta’ 2% f’dik li hi taxxa tal-VAT li mhix tinġabar.
Dan kollu joħorġ minn rapport dwar il-ġbir tat-taxxa tal-VAT fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li kienu biss l-Iżvezja, il-Lussemburgu u r-Repubblika Ċeka li kellhom persentaġġ ftit aħjar minn ta’ Malta.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea stmat li fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea aktar minn €137.5 biljun ewro fid-dħul mit-taxxa tal-VAT baqgħu ma nġabrux fl-2017.
Iċ-ċifri f’dan ir-rapport jikkuntastaw bil-kbir mas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-2013 meta bejn l-2010 u l-2013, Malta kellha fost l-ogħla rati ta’ taxxa ta’ VAT mhux miġbura ta’ bejn id-39% sa 42% tat-taxxa dovuta lit-tax payers Maltin u Għawdxin.