Djibril Ganiou ġie kkundannat tletin sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-eks sieħba tiegħu Caroline Magri f’Settembru ta’ tliet snin ilu.
Ir-raġel li huwa mit-Togo tressaq il-qorti mixli bil-qtil brutali tal-omm ta’ sebat itfal, li l-ġisem bla ħajja tagħha nstab f’appartament f’Ta’ Giorni. L-omm kienet instabet imħanxra.
Għall-ewwel ir-raġel qal lill-Pulizija li l-mara ċemplitlu biex tgħidlu li kienet se toqtol lilha nnifisha wara li l-koppja kellu argument jaħraq bejniethom. Huwa żied jgħid lill-pulizija li sab il-katavru tagħha f’għadira demm. Aktar tard huwa ammetta li kien hu li qatel lil Caroline.
Għall-ewwel Ganiou kien wieġeb ‘mhux ħati’ għall-akkużi miġjuba kontrieh meta kien arrestat mill-ispettur Keith Arnaud lura f’Ottubru tal-2016.
Dalgħodu quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti hu wieġeb ħati li qatel lil Magri u talli kien fil-pussess ta’ sikkina waqt id-delitt.
L-Imħallef ikkundanna l-ħati għal 30 sena ħabs u orndalu jħallas €40,000 fi spejjeż tal-Qorti u wissieh li jekk ma jħallashomx, dawn ser jitħallsu permezz ta’ sentenza estiża ta’ ħabs effettiv.
L-avukat Elaine Mercieca dehret f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.