Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Ħsieb komuni li jiġi f’ilsien bosta li minħabba li huma jew qraba tagħhom jkollhom isiefru barra minn pajjiżna għall-kura jispiċċaw jitilfu l-impjieg tagħhom.
Din kienet waħda mill-konklużjonijiet tat-teżi ta’ Martina Fenech, tfajla li seba’ snin ilu kellha twaqqaf kollox fosthom l-isudji tagħha u tmur għall-kura barra minn xtutna wara li tawha l-aħbar kerha li mardet bil-kanċer.
Fit-teżi tagħha li ffokkat fuq l-isfidi li jgħaddu minnhom pazjenti Maltin waqt li jmorru għall-kura fi sptarijiet fir-Renju Unit, Martina kkonkludiet li l-fatt li l-pazjenti u qrabthom jkollhom saqaf fuq rashom jelimina ħafna wġigħ ta’ ras fosthom dawk finanzjarji u psikoloġiċi.
Madankollu sabet li hemm bosta sfidi oħrajn li jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Martina stqarret magħna “Hemm diversi sfidi li l-familji jgħaddu minnhom meta jiġu biex isiefru għall-kura. fosthom, mir-riċerka li għamilt jiena l-akbar sfidi li kienu l-isfidi finanzjarji fejn ikollok il-ġenituri tat-tfal li jridu jitilgħu għall-kura jew inkella xi ħadd mill-ġenitur ikun marid u jitla’ għall-kura li jkollhom iwaqqfu x-xogħol tagħhom ħesrem”.
Martina spjegat li minkejja li ma jaħdmux, l-istudenti jaffaċċjaw sfidi oħrajn.
Hija tenniet tgħid: “Meta esperjenzajtha jiena din il-ħaġa seba’ snin ilu kont Form 5. Kelli nwaqqaf ħesrem l-istudji tiegħi jiġifieri meta jien suppost kont qed nagħmel l-olevels spiċċajt fi triqti l-Ingilterra. Ma kienx hemm alternattiva li nagħmel l-olevels tiegħi mill-ingilterra jew inkompli bil-ħajja tiegħi normali. Kelli minħabba f’hekk kelli qisni nirrepeti s-sena skolastika mhux tor tiegħi sintendi.”
L-istudji tagħha rrimarkaw ukoll li l-ambjent differenti tal-pajjiż ukoll iħalli impatt negattiv fuq il-persuni involuti.
Martina sostniet li hemm “diffikultajiet psikoloġiċi wkoll, għandek il-pazjent min se jitla’ miegħu min qed jakkumpanjah se jkun ‘il bogħod mill-familja tiegħu, ‘l bogħod mill-ħbieb, ‘l bogħod mill-kultura u lingwa Maltija”.
Martina spjegat li hija wettqet dan l-istudju għax xtaqet li permezz tal-esperjenza tagħha tgħin lil medja ta’ sebgħin pazjent fil-ġimgħa li jitla’ għall-kura barra minn pajjiżna.
Hija temmet tgħid li ” Dejjem xtaqt li jiena dejjem ngħinhom lil dawn il-familji. Ma kellhiex il-kuraġġ li nidħol għall-nurse jew għal tabiba imma xorta ridt li ngħinhom lil dawn in-nies. Dħalt l-Università, in the meantime dħalt bi ħġari ngħin lill-puttinu u komplejt nara id-diffikultajiet li esperjenzajt jien u għadhom qed jesperjenzaw in-nies illum u li ħafna mhux konxji tagħhom.”
Bħalissa, Martina flimkien ma’ Puttinu Cares għadejjin bl-aħħar ħidma sabiex fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla tittella’ edizzjoni oħra tal-maratona ta’ football fil-kumpless sportiv tal-Marsa.
Bl-edizzjoni ta’ din is-sena Puttinu se jaħdem biex jiġbor fondi sabiex jinvesti f’aktar appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex pazjenti li jkunu fi sptarijet barra minn Sutton jonqsilhom l-iskariġġ tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit.