Għall-ewwel darba il-libreriji pubbliċi se jkollhom kotba bil-Malti bit-tipa kbira.
Fil-librerija nazzjonali fil-Floriana s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ippreżenta mija u erbgħin kopja ta’ sitt kotba tal-awtur rinomat Frans Sammut.
Il-Kap Eżekuttiv tal-libreriji Maltin Cheryl Falzon saħqet li għal dawn it-tip ta’ kotba jkun hemm domanda qawwija u għalhekk din l-għotja ta’ kotba bit-tipa kbira huma bħala manna nieżla mis-sema’.
“Il-kotba bil-Malti l-iktar li jduru fil-libreriji pubbliċi u l-iktar li qed ikollna domanda għalihom u issa li se jkunu bit-tipa l-kbira żgur li se jkunu użati sew jiġifieri naħseb jiena kif se noħorġuhom dawn ħa jkun hemm anki reservations fuqhom għax tant kien hawn domanda kbira għlihom.”
Anthony Agius Decelis spjega li dan huwa proġett ta’ sittin elf ewro fejn qed iħeġġu iżjed anzjani jibqgħu attivi mhux biss fiżikament imma anki mentalment.
Saħaq li l-inizjattiva tal-kotba b’tipa kbira saret wara studju riċerkat li juri kif numru t’anzjani fost l-oħrajn qagħdu lura milli jaqraw kotba minħabba l-isfida fil-vista tagħhom.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li faħħar din l-inizjattiva biex jiġi faċilitat il-qari.
Fil-pajjiż hawn 70 librerija pubblika u f’kull librerija se jkun hemm żewġ kopji tal-kotba ta’ Frans Sammut bit-tipa kbira.