Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-mezz pjuttost ġdid ta’ trasport tal-iscooters elettriċi magħrufa aħjar bħala e-scooter qed isir aktar popolari fit-toroq tal-ibliet u l-irħula Maltin.
Kien għalhekk li Transport Malta ħasset il-ħtieġa li taħdem fuq sett ta’ regolamenti sabiex dawk li jużaw dawn l-għamla ta’ scooters jagħmlu dan b’mod sigur.
F’konferenza stampa ġie spjegat kif tul dawn l-għoxrin jum Transport Malta se tmexxi konsultazzjoni pubblika dwar sensiela ta’ regolamenti ġodda li ħolqot fuq l-istess leġislazzjoni taċ-ċikliżmu.
Fost ir-regolamenti li qiegħda tipproponi hemm li kull scooter irid jiġi rreġistrat mal-Awtorità u ta’ kull sena tkun trid titħallas il-liċenzja ta’ €25 flimkien ma’ polza tal-assigurazzjoni.
“Meta rajna dan il-qafas ppruvajna nilqgħu kemm jista’ jkun għas-sigurtà tal-utenti kollha u fosthom hemm in-neċessità illi l-vetturi jkollhom dawl adekwat, illi n-nies jilbsu hi visibility vest filgħaxija u tajna speedlimits differenti skont fejn jinsabu,” sostna Kurt Vella mis-Sustainable Mobility Unit.
Qed ikun propost li l-escooters ma jinstaqux f’toroq arterjali u distributorji u dawk li jużawhom għandhom jgħaddu minn toroq sekondarji u minn rotot li jintużaw miċ-ċiklisti.
Transport Malta qed tipproponi wkoll li ddaħħal multi għal min ma jimxix ma’ dawn ir-regolamenti. Ġew identifikati numru ta’ kontravenzzjonijiet fosthom għal min isuq escooter waqt li jkunu bil-headphones u li jinstaqu escooters mingħajr ma s-sewwieq ikollu liċenzja tas-sewqan.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg sostna li l-Gvern ma setax jibqa’ bilqiegħda u ma jagħmel xejn dwar mezz ta’ trasport alternattiv li kulma jmur qed isir dejjem aktar popolari.
“Ma nistgħux naqbdu u ninjoraw il-fatt li hawn min jixtieq jagħmel u aħna nħeġġuhom pero rridu nagħmlu dan b’mod tajjeb u rridu niftakru f’dawk in-nies illi qed jimxu, fuq il-bankini u rridu naħsbu f’min qed isiuq il-karozza u jsib dawn quddiem wiċċu. Ma ninsewx ukoll min qed jagħmel użu minnhom. Is-sigurtà min qed jagħmel użu minnhom huwa kruċjali,” qal Dr Borg.
Il-Ministru Borg kompla jispjega li sa issa ftit hemm pajjiżi li ħadmu fuq leġislazzjoni tat-tip u minkejja li kien hemm pajjiżi li kienu reattivi Malta ma xtaqitx timxi fuq dawn il-passi u qed taħdem fuq qafas li jħares l-interessi komuni ta’ kulħadd.