Probabbli se tagħrfuh minn meta dari kien stilla tal-għana, ir-Rigu.
Illum, Roderick Bovingdon qed jiċċelebra kisba kemmxejn differenti. Wara għomru jinvesti l-imħabba tiegħu lejn il-kitba, partikolarment il-poeżija, issa ġabar kull poeżija li qatt kiteb fi ktieb wieħed, bl-isem Aporija. Kelma li konvinti li bħalna, ma smajtuhiex qabel…
Bovingdon qalilna “Essenzjalment tfisser dubju eżistensjalista, mhux tiddubuta fis-sinċerità imma tiddubita minn ċertu intelliġenza umana li dejjem trid tkun taf iżjed”.
It-titlu tal-ktieb huwa fil-fatt riflessjoni perfetta ta’ dak li l-qarrejja se jsibu fil-paġni ta’ ħajjet il-poeta.
Hu tenna li “F’dak il-ktieb għandi diversi esperjenzi, dubji, glorji ta’ Malta ta’ ħolmti. Malta li xi darba kienet meta kont tifel mqabbla ma’ tal-lum, imma Malta għalija dejjem tibqa’ kbira fiċ-ċokon tagħha”.
Roderick ried li Aporija jkun riflessjoni ta’ ħajtu, ta’ dak li weġġgħu, li għallmu, u li ferħu. Dan għamlu b’sensiela ta’ poeżiji qosra dwar kull suġġet li tista’ taħseb fih, iżda b’mod kemmxejn differenti.
L-istorja tiegħu qed jgħidha b’bosta djaletti Maltin. Malti ta’ dari, Malti modern, u anke Malti tal-Awstralja, il-Maltralian. Fi kliem il-poeta dan huwa mezz biex verament inti tilħaq lil kulħadd, u fl-istess ħin tgħarraf lill-qarrejja dwar kemm il-lingwa ta’ pajjiż daqstant ċkejken tista’ tinbidel meta tiġi mitkellma f’pajjiż barrani għal għexieren ta’ snin.
“Kwalunkwe Malti nuża jien. Fil-poeżija imma tkun trid, meta qed titħadded fuq drawwiet antiki, bilfors trid tuża kliem li forsi llum m ghadux jintuża”, kompla jgħid Bovingdon.
Il-ktieb li se jiddokumenta l-vjaġġ tal-poeta b’varjetà mill-isbaħ ta’ lsienna se jasal fil-ħwienet lokali lejn l-aħħar ta’ Awwissu…
…u allura, la rnexxielu jikkumpila l-poeżiji kollha tiegħu fi ktieb wieħed, daqshekk kiteb ir-Rigu?
Hu temm jgħid li “Ma nistax ngħid li daqshekk. Dal-lejl stess daħlitli waħda f’moħħi u għid niktibha. Tibqa’ tħammem f’moħħi sakemm ir-ruħ ma toqgħodx kwieta u bilfors trid kompulsivament taqbad karta u lapes u tiktibha”.