Dan Mason.
Tfajjel li dalwaqt jagħlaq sentejn.
Aktar minn sena u nofs minnhom Mason qattgħahom fi sptar fl-Ingilterra kif tispjega ommu hi u jżommu fi ħdanha.
Omm Mason qaltilna li “Meta twieled Mason mill-ewwel sirna nafu li Mason mhux qed jieħu n-nifs waħdu, jiġifieri kellu jidħol l-intensive care mill-ewwel. Imbagħad wara xi xahar u nofs kellna mmorru bih l-Ingilterra. Kellna nħallu kollox, il-familja u l-ħbieb u x-xogħol, kollox litteralment, id-dar”.
Il-kundizzjoni ta’ Mason hija waħda rari fejn hu mifhum li jeżistu biss mal-elf każ fid-dinja kollha.
Daniela tenniet tgħid li “Il-kundizzjoni ta’ Mason hija li xħin jorqod hu jinsa jieħu n-nifs, jiġifieri għandu magna li din il-magna litteralment ittih in-nifs hi waqt li hu jkun rieqed”.
Il-kundizzjoni ġejja wara li tul it-tqala ma żviluppawx in-nervituri tal-egħżeż tal-familja Attard.
Bil-familja Attard għadha kemm waslet lura f’Malta, il-missier reġa’ beda jmur jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum iżda Daniela Attard tgħidilna kif binha seta’ jiġi lura f’art twelidu wara li magna apposta, forma ta’ ventilatur tinsab magħhom biex takkumpanja lil Mason fl-irqad.
Hija sostniet li kieku “Kieku m’għandniex din il-magna magħna, Mason ma jkunx jista’ jiġi Malta”.
Omm Mason tgħid li l-Malta Community Chest Fund kienu bħal ġawhra prezzjuża għaliex għenu mhux ftit fix-xiri tal-apparat iżda kien hemm ukoll Puttinu.
“Xħin tisma’ li għandek tmur l-Ingilterra l-ewwel ħaġa li tiġi f’rasek hija fejn ħa noqgħod? Hemmhekk l-accommodation hija expensive ħafna jiġifieri grazzi għall-Puttinu, Mason tawh ħajja tad-dar hemmhekk”, stqarret omm Mason.
Bi qsim il-qalb iżda fuq kollox anki b’ton pożittiv omm it-tfajjel mimli ħajja qaltilna li kull ma jmur, Mason qed jeqleb għall-aħjar.
Daniela temmet tgħid li “Mason mhuwiex ħa jfiq minnha. Din xi ħaġa li nafu. Pero hija xi ħaġa li tista’ timprovvja. Diġa rajna improvement mis-sena l-oħra l’hawn”.
Lit-tfajjel rajnieh jilgħab biex b’hekk igawdi t-tfulija bħal tfal oħra iżda fuq kollox rajna l-imħabba u l-għożża li fiha qed jitrabba ċ-ċkejken li meta jibda jlissen xi erba’ kelmiet żgur se jgħid grazzi lil ommu u lil missieru li għamlu tant miegħu fl-ewwel ftit ta’ ħajtu.