Raġel li l-indentità tiegħu għadha mhux magħrufa tilef ħajtu tragikament wara li waqa’ mill-irdum ta’ Għajn Tuffieħa.
L-inċident seħħ għal ħabta tal-għaxra u kwart tal-Ħadd filghodu fiż-żona magħrufa bħala l-Ponta ta’ Għajn Tuffieħa.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News minn fuq il-post jidher li kienu xi turisti mexjin fl-inħawi li nnutaw iż-żarbun tal-vittma. Kien hawn li ssuspettaw li xi ħaġa ma kinetx f’postha. Huma resqu qrib l-irdum u nnutaw raġel mixħut minn tulu qalb l-irdum mitluf minn sensih. Hawnhekk ċemplu mill-ewwel għall-għajnuna.
Minnufih fuq il-post intbagħtet ambulanza u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tas-Salib l-Aħmar.
Fuq il-post kien hemm ukoll it-tabib tal-emerġenza Dr Jonathan Joslin li flimkien ma’ infermier mid-Dipartiment tas-Salib l-Aħmar niżlu b’attenzjoni kbira qrib il-vittma iżda ġie iċċertifikawh mejjet fuq il- post.
Xhieda fuq il post qalu ma’ ONE News li l-vittma ma kellu l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni fuqu madankollu huwa stmat li r-raġel kellu bejn 25 u 30 sena.
Kien dak il-ħin li skattat operazzjoni xejn faċli sabiex il-katavru jittella’ mill-irdumijiet. Dan għall-fatt li l-vittma waqa’ f’post inkrepattiv għal-aħħar qalb il-blat.
Fil-fatt il-katavru inħareġ minn fuq il-blat b’jet ski tad-Dipartiment tas-Salib l-Aħmar u ttella’ fuq patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta li minn hemm ħaditu ċ-Ċirkewwa u tgħabba fil-karozza tal-mejtin.
Qalb atmosfera xejn sabiħa, kien hemm ukoll membri mid-Dipartiment tal-Forensika. Fil-fatt huwa mifhum li ser jiġu elevati l-filmati mill-kameras tas-sigurtà li kien hemm fuq it-Torri ta’ Għajn Tuffieħa magħruf ukoll bħala t-Torri ta’ Għajn Mixkuka, bil-għan li tiġi stabbilita d-dinamika ta’ din it-traġedja.
Fuq il-post kien hemm ukoll il-Maġistrat Joe Mifsud li ħatar bosta esperti biex jgħinuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal pulizija ghadhom għaddejjin.
Kien f’dak il-mument li ssejħet l-għajnuna fejn fuq il-post marru membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, membri mis-Salib l-Aħmar u kif ukoll ambulanza b’tim mediku fosthom it-tabib tal-emerġenza Jonathan Joslin.