Sewwieq tal-Formula Tnejn Franċiż tilef ħajtu traġikament waqt tellieqa li kienet qed issir fil-Belġju illum waranofsinhar.
Anthoine Hubert ta’ tnejn u għoxrin sena kien involut f’inċident ikrah fil-bidu tat-tellieqa ġewwa ċ-ċirkwit ta’ Spa-Francorchamps meta tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u ntlaqat minn karozza oħra li wkoll tilfet il-kontroll waqt li kien għaddej bi kważi tlett mitt kilometru fis-siegħa.
Stqarrija tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Awtomobbiliżmu kkonfermat li Hubert tilef ħajtu fis-18:35 fl-isptar ta’ Liege.
Is-sewwieq tal-karozza li laqtet lil Hubert, Juan Manuel Correa, ukoll ittieħed l-isptar bil-kundizzjoni tiegħu deskritta bħala stabbli.