Mara ta’ 39 sena li togħqod il-Ħamrun ingħatat sena ħabs sospiża għal tliet snin wara li ammetiet tmien akkużi ta’ serq.
Dawn is-serqiet seħħew bejn id-9 u t-30 t’Awwissu, fejn b’ħafna mill-każijiet serqet kartieri u f’każ ieħor serqet prodotti tat-tabakk, minn ħwienet f’Santa Venera, Birkirkara u Ħal Qormi.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jeffrey Scicluna qalu kif il-mara kkoperat mal-pulizija u tat lura mowbajl li kienet serqet.
L-avukati tal-akkuzata Dr Amadeus Cachia u Dr Franco Debono qalu li l-mara għaddiet minn ħafna f’dan l-aħħar żmien u għelbet il-vizzju tad-droga. Id-difiża semmiet ukoll kif il-mara, li ma jistax jixxandar isimha b’ordni tal-Qorti kienet tagħmel dawn l-atti biex tmantni lill-erba’ tfal li għandha.
Il-Maġistrat Dr Chairmaine Galea ordnat li l-akkużata tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-mara f’dawn it-tliet snin li ġejjin u anke biex tirritorna l-flus u l-affarijiet li serqet fi żmien sitt xhur.