Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi fejn qiegħed fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex u jieqaf iġib skużi li ma jagħmlux sens bil-għan li jipprova jintogħġob ma’ kulħadd. Dan f’reazzjoni għall-istqarrija li ħareġ aktar kmieni l-Partit Nazzjonalista.
“L-istudji li rrefera għalihom illum il-Partit Nazzjonalista ilhom ippubblikati x-xhur. Tant li b’sempliċi ‘search’ online wieħed isibhom fil-website ta’ Transport Malta”, tenna jgħid il-partit Laburista.
Il-Partit Labursita żied jgħid li b’hekk mhu minnu xejn dak li qal il-Partit Nazzjonalista li ebda studju ma ġie ppubblikat. Għall-benefiċċju ta’ Adrian Delia din hija l-link għall-istudji li huma diġà lesti: https://www.transport.gov.mt/strategies/research-reports-studies/malta-gozo-fixed-link-2880
“L-istqarrija tal-lum turi kif il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira. Dik li mhux gwidat minn dak li jemmen u għalhekk jibdel il-verżjoni l-ħin kollu skont ma’ min ikun qed jitkellem. Wara li wiegħed il-mina fil-manifesti elettorali u vvota favuriha fil-Parlament, issa jrid isib skuża biex jintogħġob ma’ min forsi ma jaqbilx magħha”, kompla jgħid il-Partit Laburista.
Iżda, dan wasslu f’punt tant redikolu li talab li jkunu ppubblikati studji li diġà qegħdin online. B’dan il-mod il-Partit Nazzjonalista ma jistax jittieħed bis-serjetà. Bħal kulħadd, anke l-Għawdxin jafu fejn qegħdin mal-gvern immexxi mill-Partit Laburista. Il-gvern ingħata mandat għall-mina bejn iż-żewġ gżejjer u qed jaħdem għaliha, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.