F’xahrejn ġie inawgurat xogħol ta’ tisbiħ f’sala oħra fl-isptar Monte Karmeli li jilqa’ fih pazjenti li jbatu minn mard ta’ saħħa mentali.
Is-sala St. Jean Antide se tibda tilqa’ fiha mas-26 mara fejn f’din is-sala spikkat mhux biss l-indafa iżda anki l-organizzazzjoni li teżisti.
Waqt żjara f’din is-sala, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li din is-sala rinovata hija parti mill-pjan li għandu l-Gvern għall-ħames snin biex b’investiment ta’ tletin miljun ewro, il-Gvern jirranġa s-swali kollha fl-isptar psikjatriku.
Il-Ministru Fearne stqarr li “Ħa jwassal biex l-isptar kollu jkun rinovat. Illum ninawguraw it-tieni sala rinovata, wara li konna ftaħna l-ewwel sala madwar xahrejn ilu u fix-xhur li ġejjin se jkunu qed niftħu swali oħra sakemm l-isptar kollu jkun fil-livell dinjituż għall-pazjent u għall-istaff tagħna”.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan ix-xogħol ta’ tisbiħ, id-Deputat Prim Ministru spjega kif mal-200 pazjent li ilhom żmien twil fl-isptar Monte Karmeli u issa mhux meħtieġ iżjed li jieħdu l-kura f’dan l-isptar nħarġu u qegħdin jirċievu l-kura għas-saħħa mentali fil-komunità.
Il-Ministru Fearne saħaq li tmenin minn dawk il-200 pazjent jinsabu fi sptarijiet komunitarji filwaqt li 120 oħra ġew rilokati bil-għajnuna ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Id-Deputat Prim Ministru tenna li “Bħalissa għaddej proċess biex qegħdin nidentifikaw erbgħin pazjent ieħor li jista’ joħroġ minn dan l-isptar u jieħu kura ġo post iżjed attraenti għalih.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega li dan kollu jmur id f’id mal-istrateġija nazzjonali għall-kura tas-saħħa mentali fejn f’ambjent ideali l-persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali jingħataw il-kura fil-komunità.
Qal li minkejja dan xorta hemm mat-tliet mija u ħamsin pazjent li għandhom bżonn il-kura f’Monte Karmeli u għalhekk ir-rinovar tas-swali huwa importanti biex dawn ikollhom ambjent dinjituż u li jixraq.