Debbie Atanasio, għalliema u omm ta’ żewġt itfal. Omm li bħal kull omm oħra stenniet l-ewwel wild tagħha bi stennija kbira u laqgħetu b’ferħ f’dirgħajha mal-ġurnata tat-twelid. Madankollu wara ftit bdiet tħoss l-effetti tagħhom fuq is-saħħa mentali tagħha propju wara it-twelid.
Debbie qaltilna kif kien propju meta t-tifel kellu biss tmien xhur li bdiet tħoss l-ewwel effetti.
“Kien qabadni l-post partum psychosis wara li kelli l-ewwel wild tiegħi. Meta t-tifel kellu tmien xhur, li l-avvenimenti li ġraw wara t-twelid sa dawk it-tmien xhur kont inħoss depression u ansjetá, pero bqajt għaddejja bil-ħajja normali kif stajt għalkemm kienet diffiċli u kont pjuttost naħbi dak li kont qiegħda nħoss.”
Qalet li sabet spalla minn qrabatha u fittxet l-għajnuna u llum qed tieħu l-kura għal din il-kundizzjoni mentali.
Permezz tal-għaqda mhux governattiva, Parent Infant Mental Health Alliance, Debbie se tibda titkellem dwar l-esperjenza tagħha ma’ ommijiet oħra li l-wild tagħhom ukoll affettwa s-saħħa mentali tagħhom. Stqarret li dan it-tip ta’ sapport huwa importanti ħafna li jingħata mhux biss lil ommijiet li jkunu għaddejjin minn din l-esperjenza.
“Rabbejt il-kuraġġ u ddeċidejt li nibda nitkellem fuq dawn l-issues. Naspira li l-NGO ħa tagħti s-support tagħha kollu mhux biss lil ommijiet u lit-trabi tagħhom imma imma anke l-partners ta’ dawk l-ommijiet u l-familja kollha tagħhom.”
Fil-ftuħ uffiċjali tal-għaqda, il-Psikjatra Ethel Felice, li ilha taħdem snin ma’ ġenituri li jkunu għaddejjin minn din it-tip ta’ esperjenza, qalet li dejjem kienet il-ħolma tagħha li f’pajjiżna jkollna din l-għaqda. Dr Felice li hija l-President tal-għaqda qaltilna kif parti mix-xogħol tal-għaqda se jkun li jwarrbu din l-istigma.
“Ix-xogħol tagħna qalilna biex l-ewwel ħaġa nneħħu ‘stigma’ li hawn ma mard mentali u mental health issues madwar dan iż-żmien u biex aħna nipromwovu u nagħtu vuċi lil dawk li jbatu minnha u nagħtuhom is-sapport li hemm bżonn.”