Ix-xogħol fuq il-proġett tal-Junction tal-Marsa li se jara l-bini ta’ seba’ flyovers ġodda għaddej lejl u nhar sebat ijiem fil-ġimgħa.
Fl-aħħar jiem, Infrastruttura Malta ħabbret li x-xogħol fuq it-tielet u l-aktar fażi importanti tal-proġett diġà tlesta terz minnu.
ONE News niżel fit-toroq tal-Marsa sabiex jitkellem mas-sewwieqa li ta’ kuljum jgħaddu minn din iż-żona u lkoll qalu li jinsabu sodisfatti bir-ritmu li għaddejjin bihom ix-xogħlijiet mit-Tnejn sal-Ħadd u xi kultant anke matul il-lejl.
Hekk kif 35% fil-mija tal-proġett tal-Junction tal-Marsa issa jinsab lest issa l-istennija bdiet għal lejn l-aħħar ta’ Settembru fejn propju għandhom jinfetħu l-ewwel żewġ ‘flyovers’ tal- proġett. Ġejna hawnhekk propju fil-Junction tal-Marsa fejn anke tkellimna mas-sewwieqa li b’mod pożittiv qed jilqgħu dan il-proġett u issa għandhom stennija kbira sakemm jitlesta.
Filwaqt li l-ewwel żewġ flyovers mistennija jkunu lesti sal-aħħar ta’ Settembru li ġej, bħalissa miexi wkoll il-bini tal-ħames flyovers bit-tnejn minnhom mistennija jiftħu għat-traffiku fl-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
Tul l-aħħar jiem tlestew ukoll aktar minn 20 mit-42 kolonna li hemm bżonn għal dawn il-ħames flyovers waqt li l-istruttura tal-azzar tat-tielet flyover mistennija tibda tieħu s-sura tagħha f’Settembru.
Biex hekk jidher li s-sewwieqa Maltin jinsab għatxana li jżanżnu dan il-proġett li se jnaqqsilhom bil-kbir il-ħin fit-traffiku f’din l-akbar żona traffikuża fin-Nofsinhar tal-pajjiż.