Nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Settembru fis-7 ta’ filgħaxija, Heritage Malta se tkun qed tilqa’ t-tnedija tal-katalgu tal-esebizzjoni ‘Maestri d’Olanda e di Fiandra nei mari del sud’ fil-mużew tal-arti MUŻA, fil-Belt Valletta.
Fl-2018, xogħolijiet ewlenin u kapolavuri mill-kollezzjoni nazzjonali tal-MUŻA ġew esebiti f’mużewijiet u istituzzjonijiet prinċipali fl-Italja.
Waħda minn dawn l-istituzzjonijiet li esebit dawn ix-xogħolijiet tal-arti kienet il-Pinacoteca Camillo d’Errico fil-Palazz San Gervasio (Matera), li hija l-akbar u l-aktar kollezzjoni tal-arti importanti fir-reġjun tal-Basilicata.
L-esebizzjoni nkludiet il-preferenzi tal-kolletturi tad-19-il seklu għall-arti Flemish fir-reġjun tal-Mediterran, u ppreżentat paraguni bejn il-pubbliku (il-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta) u kollezzjoni privata (Camillo d’Errico) permezz ta’ għażla ta’ xogħolijiet.
Dan il-katalgu tal-esebizzjoni, ippubblikat minn Grenzi Editori, jinkludi kontribuzzjonijiet minn studjużi stabbiliti u oħrajn ġodda, Maltin u Taljani.
Id-dħul hu bla ħlas imma min jixtieq jattendi jeħtieġ li jirreġistra sa nhar l-Erbgħa 4 ta’ Settembru fuq rsvp.hm@heritagemalta.org jew billi jċempel fuq 2295 4300.