Fil-Qorti, ġuvni ta’ 16-il sena ammetta li ħebb għas-sieħba ta’ missieru b’ħarpun f’argument familjari fis-17 t’Awwissu li għadda.
Il-ġuvni Żabbari ammetta li hedded lis-sieħba ta’ missieru u żamm lilha u lil binha ta’ erba’ snin kontra l-volontà tagħhom.
Il-Qorti poġġiet liż-żagħżugħ taħt 3 snin probation u ordnat ukoll li l-ħarpun użat f’dan l-argument ikun ikkonfiskat. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ 3 snin għall-missier, is-sieħba tiegħu u binhom.
Fil-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia nnutat li ammetta mall-ewwel, għadu taħt l-età u nnutat li l-fatt li ż-żagħżugħ kellu tfulija diffiċli minħabba s-separazzjoni li kienet deskritta bħala “akkanita” tal-ġenituri tiegħu. Il-Qorti semgħet il-fatt ukoll kif il-ġuvni għandu bżonn minn imexxih u li huwa lest li jieħu din l-għajnuna.
Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-ġuvni, li ma jistax jixxandar ismu, ma jersaqx lejn ir-residenza tal-familja jew lejn l-iskola tat-tifel. Il-Qorti ddeċidiet kif iż-żagħżugħ ma jistax jersaq lejn il-festa tal-Madonna tal-Grazzja tal-istess lokalità li kien jgħix fiha.
F’dawn it-tliet snin, il-ġuvni se jkun qed jgħix f’lokalità oħra m’ommu, hekk kif fil-Qorti qalet li hi tixtieq iżżommu magħha.