Il-btajjel tas-sajf mhux biss huma żmien ta’ mistrieħ, iżda żmien ta’ riskju li tfal jew żgħażagħ li jsibu ruħhom b’ħafna ħin liberu jintrikbu minn xi vizzju.
Konxja ta’ dan, il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli flimkien maż-Żgħażagħ Rabtin Pawlini reġgħu organizzaw l-attività ‘Logħob għal Kulħadd’, biex il-pubbliku jagħraf alternattivi oħra u jkun aktar konxju tar-riskji u l-perikli li jġib miegħu il-vizzju tal-logħob tal-azzard.
Apparti li wkoll tippromwovi xogħol il-fondazzjoni u tqajjem għarfien dwar l-importanza tal-bilanċ bejn il-logħob u r-responsabbiltajiet, l-attività tqarreb liż-żgħażagħ lejn metodi alternattivi ta’ rikreazzjoni, bħall-isport, kif spjega l-Uffiċjal Eżekuttiv għall-Promozzjoni tal-Fondazzjoni, Kayne Said.
Hu qalilna li “Fejn jidħol logħob tal-azzard, il-Fondazzjoni mhux kontra li persuna tilgħab f’attività rikreazzjonali. Il-problemi jinqalgħu meta l-persuna tibda taqbeż il-limitu finanzjarju u l-limitu tal-ħin”.
Said żied jispjega li xogħol il-Fondazzjoni huwa wkoll li tiggwida lil dawk mirkuba mill-vizzju lejn modi oħra ta’ divertiment, iżda toffri wkoll għajnuna lill-qraba, li ħafna drabi ma jkunux jistgħu jagħmlu xejn ħlief jaraw lil dawk qrib tagħhom jinfnew fil-vizzju.
Said temm jgħid li “Hawnhekk tibda’ tinfetaħ bil-mod it-tieqa għal-vizzju. Il-fondazzjoni iżda temmen ukoll f’riċerka, kampanji edukattivi, insaħħu t-taħriġ u nkomplu nkunu ta’ spalla għal dawk li jbatu l-vizzju u tal-madwar”.
L-attività Logħob għal Kulħadd ittellgħet ukoll bl-għajnuna tas-Segretarja Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri faħħar ħidmet il-Fondazzjoni, u fuq kollox appella biex dak li jkun ma jiddejjaqx jersaq ‘il quddiem u jitlob l-għajnuna tagħha, kif diġà għamlu mijiet oħra.
Dawk li jiġu bżonn is-servizzi tal-Fondazzjoni jistgħu jikkuntattjawha b’mod anonimu fuq 1777. Din il-linja hija disponibbli 24 siegħa kuljum.