Il-Gvern Brażiljan qal li se jirrifjuta l-offerta t’għajnuna mill-pajjiżi l-kbar tal-G7 biex jgħinu fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresta fl-Amażonja.
Kien waqt is-summit tal-G7 li ospita l-President Franċiż Emmanuel Macron, li ntlaħaq ftehim biex il-pajjiżi l-kbar bejniethom – jiġifieri l-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, joffru għajnuna finanzjarja ta’ 22 miljun dollaru.
Fondi li kienu se jingħataw b’mod immedjat biex jiffinanzjaw aktar ajruplani ħalli jiġġieldu n-nirien. Barra minn hekk Franza offriet li tagħti appoġġ militari fir-reġjun.
Iżda l-President tal-Brażil Jair Bolsonaro akkuża lil Franza li qed tittratta lil Brażil bħala kolonja.
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru tal-Brażil kien kwotat jgħid li r-riżorsi offruta mill-G7 huma iżjed bżonjużi għar-riforestazzjoni fl-Ewropa.
Il-Ministru tad-Difiża Brażiljan qal li n-nirien huma kkontrollati bis-sehem ta’ 44,000 suldat li qed jiġġieldu n-nar u kriżijiet oħra ambjentali fl-Amażjonja.
In-nirien fil-Brażil, l-aktar fl-Amażonja, qed jaqbdu b’numru rekord, u dan il-każ kien deskritt minn bosta mexxejja fl-aħħar jiem bħala kriżi internazzjonali.
Ritratt: AFP