Kienet inawgurata mill-ġdid il-berġa tas-saħħa f’Tas-Sliema wara li fl-aħħar ġimgħat sarilha xogħol ta’ tisbiħ u rinovar.
Il-berġa ta’ Tas-Sliema hija biss waħda minn kullana ta’ ċentri oħra tas-saħħa f’komunitajiet differenti li dan l-aħħar sarulhom xogħol ta’ tkabbir, rinovar u tisbiħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-għan tal-Gvern hu li l-pazjenti kollha ta’ Malta u Għawdex ikollhom aċċess għall-kura bażika fil-komunità, iżda dan ma jkunx assigurat biss bit-tisbiħ tal-bereġ.
“Irridu nkomplu nżidu s-servizzi fil-komunità. Qed induru l-bereġ u nagħmlu tisbiħ, mhux biss billi nkabbru u nagħmlu l-post aktar attraenti imma anke billi nżidu s-servizzi.”
Ġimgħat wara li ħabbar l-ewwel strateġija nazzjonali għas-saħħa mentali f’Malta, il-Minsitru Fearne spjega li bħal f’numru ta’ komuntajiet oħra, f’Tas-Sliema wkoll se jkun disponibbli servizz ta’ kura jew anke pariri dwar is-saħħa mentali.
“Se nżidu s-servizz tas-saħħa mentali, jiġifieri pazjenti li jkollhom bżonn kura jew pariri dwar saħħa mentali issa jistgħu jingħataw dan fil-komunità. Qed noffru s-servizzi tas-saħħa mentali wkoll f’Ħ’Attard, Tal-Pietà, Tas-Sliema, u l-ġimgħa d-dieħla se niftħuhom ukoll fil-Birgu, fin-naħa t’isfel ta’ Malta.” Temm jgħid il-Ministru Fearne.