Tifel ta’ 16-il sena qed jinżamm arrestat wara li lbieraħ inqabad isuq bla liċenzja u nstabulu żewġ pakketti b’sustanza suspettata droga.
Il-każ ġara lbieraħ għall-ħabta tan-nofsiegħa, waqt li l-Pulizija mill-iskwadra tar-Rapid Interventon Unit kienu f’ronda ġewwa Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara nnutaw vettura tat-tip Peugeot 106 għaddejja b’veloċità eċċessiva fid-direzzjoni lejn il-Wied ta’ Birkirkara.
Il-Pulizija saqu għal wara din il-vettura, fejn għalkemm ippruvaw jagħmlu sinjal lix-xufier biex jieqaf dan kompla jsuq b’veloċità eċċessiva, fejn meta wasal fi Triq Giovanni Papaffy, ix-xufier tilef il-kontrol tal-vettura, bil-konsegwenza li din baqgħet sejra fin-naħa l-oħra tat-triq, ħabtet ġo vettura tal-għamla Vauxhall Astra li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta u baqgħet dieħla ġo arblu. Mal-impatt ix-xufier deher joħroġ mill-vettura u jaħrab jiġri, fejn ġie arrestat ftit wara u fuq il-persuna tiegħu nstabu żewġ biċċiet ta’ borża tal-plastik li ġo fihom kien hemm sustanza suspettata droga.
Fuq il-post issejħu wkoll il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara, fejn irriżulta li x-xufier tal-Peugeot għandu 16-il sena u huwa residenti Birkirkara stess.
Ix-xufier u l-passiġġiera tal-Vauxhall fortunatament ma sofrew l-ebda ġrieħi, filwaqt li l-ġuvni ta’ 16-il sena ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta peress li kien ħass xi uġigħ kawża tal-impatt, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.
L-Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.