Koppja anzjana Maltija li jgħixu fi New South Wales fl-Awstralja, tilfu ħajjithom wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku f’Doonside is-Sibt filgħaxija.
Filmat xokkanti li ttieħed minn kamera tas-sigurtà ta’ residenza fit-triq fejn seħħ l-inċident, juri l-mument meta karozza li kienet qed tinstaq b’veloċità eċċessiva, baqgħet ħierġa fi triq fejn suppost waqfet minħabba li kienet għaddejja karozza oħra – li dak il-ħin fiha kien hemm l-anzjani Maltin.
L-anzjani kienu biss erba’ minuti bogħod minn darhom, u f’tebqa t’għajn spiċċaw vittmi ta’ inċident li temm il-ħajja tagħhom it-tnejn.
Minn rapporti fil-midja Awstraljana, jidher li l-anzjana – Carmen Sant ta’ wieħed u tmenin sena – ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Żewġha Frank Sant ta’ tlieta u tmenin sena, li kien qed isuq il-karozza, miet ftit sigħat wara fl-isptar Westmead.
B’rabta ma’ dan l-inċident, il-Pulizija Awstraljana qed iżżomm żagħżugħ Indjan ta’ tnejn u għoxrin sena li kien qed isuq il-karozza l-oħra involuta fl-inċident. Huwa ma weġġax fl-inċident.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti t-Tnejn, jaffaċċja akkużi ta’ sewqan b’negliġenza, qtil involontarju, u li m’obdiex ir-regolamenti tat-traffiku waqt is-sewqan.
“We’ll certainly be looking at whether or not speed, fatigue, drinking or drug driving, not wearing a seatbelt, or even a distracting of such thing as a mobile phone, will be the causes of this inquiry.”
Quddiem l-għassa tal-Pulizija, l-akkużat skuża ruħu, u qal li dan huwa każ ta’ xorti ħażina li seta’ ġara lil kulħadd.
“It can happen with anyone but it’s our bad luck, it’s their bad lucky, it happened but we really apologize.”
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, jidher li l-koppja hija mill-Mosta, u kienu ilhom miżżewġin aktar minn ħamsin sena.
Huwa mifhum li l-anzjani kienu sejrin lura d-dar, wara ikla mal-familja fil-klabb tal-Maltin La Valette.
Intant, ġirien tal-koppja li tkellmu ma’ aġenziji tal-aħbarijiet Awstraljani, urew is-sogħba tagħhom għal din l-aħbar, u ddeskrivewhom bħala nies ta’ qalb tajba.