20 għaqda mhux governattiva fosthom il-Fondazzjoni Aditus u bosta Dipartimenti tal-Università ta’ Malta faħħru l-azzjoni tal-Gvern Malti li daħħal it-356 immigrant li għamlu ħmistax-il jum abbord l-Ocean Viking.
Il-Gvern Malti kien qal li wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea, intlaħaq ftehim biex l-immigranti jiddaħħlu f’Malta u wara jitqassmu kollha bejn sitt pajjiżi Ewropej oħra fosthom Franza li se tieħu 150 immigrant minnhom.
B’hekk, l-ebda minn dawn l-immigranti mhu se jibqa’ f’pajjiżna.
Is-soluzzjoni offruta minn Malta ġabet ukoll ir-reazzjoni tal-Kummissarju Ewropea għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos faħħar lill-Gvern Malti u lill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-pożizzjoni li ħadet Malta.
Huwa faħħar ukoll lis-sitt pajjiżi Ewropej li aċċettaw li jirrilokaw f’pajjiżhom lill-immigranti u ħeġġiġhom biex jagħmlu dan mill-aktar fis.