Monument ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra għal darba oħra ser jerġa jilqa’ lil dawk kollha li jidħlu fiż-Żurrieq minn Vjal ix-Xarolla. Dan wara li s-Soċjetà Mużikali Santa Katarina Verġni u Martri inawguraw il-monument komplut ta’ Santa Katerina.
Josef Cachia l-Viċi President tas-Soċjetà spjega kif ix-xewqa li xbieha tal-patruna Santa Katerina tilqa’ lil kull min jidħol fiż-Żurrieq kienet minn dejjem hemm tul is-snin.
Il-monument ġie ddiżinjat minn Jeremy Cachia li hu membru tas-soċjetá wkoll. Filwaqt li l-istatwa saret fuq id-disinn ta’ Adonai Camilleri Cauchi, il-monument huwa mgħoni b’xogħol artistiku fl-irħam u fil-bronż. Liema xogħol fil-bronż sar f’Ruma.
Il-Viċi President tas-Soċjetà Cachia spjega kif l-istatwa ma kinitx tkun possibli kieku mhux għall-għajnuna minn benefattur. Saħaq kif l-benefatturi flimkien mal-volontarjat huma żewġ elementi fundamentali mhux biss sabiex twettaq il-proġetti iżda biex itella’ festi bħal dawk fiż-Żurrieq.
Il-monument ta’ Santa Katerina ġie inawgurat mill-President ta’ Malta, George Vella li flimkien mas-sinjura tiegħu kienu preżenti għal din iċ-ċerimonja, li kif xieraq bdiet permezz ta’ marċ mill-Banda tas-Soċjetá Santa Katarina Verġni u Martri.