L-Awtorità dwar il-Mediċini qed toffri opportunità unika fejn studenti f’dan il-kors se jkunu jistgħu jaħdmu mill-qrib mal-professjonisiti fi ħdan l-awtorità fuq riċerka u proġetti innovattivi li għandhom x’jaqsmu mal-kannabis għall-użu mediċinali. Filwaqt li se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn korsijiet avvanzati li qed torganizza l-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni flimkien mal-Awtorità dwar il-Mediċini, il-Malta Laboratories Network u d-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, l-Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, Deo Debattista stqarr li permezz ta’ din l-opportunità, l-istudenti se jkunu qed jaħdmu ma’ professjonisti u esperti lokali u internazzjonali fil-qasam dinamiku u innovattiv tax-xjenza u jmissu b’idejhom ir-realtajiet tar-riċerka. Għal dan il-għan, Dr Deo Debattista ħeġġeġ lill-istudenti japplikaw għall-korsijiet biex jiggradwaw bħala spiżjara u pharmaceutical technologists. Dawn il-korsijiet jipprovdu l-kompetenzi meħtieġa sabiex npoġġu lil Malta fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza farmaċewtika.
“Il-qasam farmaċewtiku qed jespandi f’direzzjonijiet ġodda biex jilħaq u jtejjeb il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-pazjenti. Dan huwa possibbli permezz ta’ programmi edukattivi, robusti u ta’ sodisfazzjon li jassiguraw żvilupp sħiħ tal-kompetenzi tal-istudenti, bħal kors tal-Baċellerat fil-Pharmaceutical Technology,” stqarr is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, l-Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali, Deo Debattista waqt id-diskors tiegħu.