Daqs xahar ieħor it-tfal jaqbdu l-basket, jiġbru l-aħħar ftit affarijiet u dlonk jerħulha għall-iskola, dik il-binja li għandha sservi ta’ fonti ta’ tagħlim u għerf biex minnha noħorġu ċ-ċittadini denji tal-lum u għada.
Fl-iskejjel sekondarji li jibdew mid-disa’ sena ‘l fuq se jaraw l-introduzzjoni ta’ suġġetti ġodda fosthom dawk applikati.
Dan wara li l-istudenti li kienu fit-tmien sena għamlu l-għażliet tagħhom biex issa jitħarrġu f’aktar dettall u b’mod aktar fil-fond f’suġġetti li jistgħu jiftħulhom toroq ġodda.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ studenti li għażlu s-suġġetti applikati li jmorru id f’id mal-programm edukattiv ‘Il-Vjaġġ Tiegħi’ li se jwassal biex studenti b’ħiliet differenti jaslu aktar ‘il quddiem skont l-inklinazzjonijiet tagħhom.
Fost l-istudenti li tkellimna magħhom kien hemm tnejn li bħala nies involuti fix-xandir għorokna idejna għaliex il-professjoni tagħna se tibqa’ ssib nies imħarrġa.
“Tal-aħbarijiet nixtieq insir”, qalilna wieħed li kien għodu se jxidd iż-żarbun tiegħi u jintervista lili flok nintervistah jien.
“Jien għażilt dan is-suġġett minħabba li jogħġbuni l-fotografija u t-televiżjoni u li nixtieq li l-midja tkompli mal-karriera tiegħi. Dan is-suġġett tal-midja minn dejjem kien jinteressani u nixtieq li nkompli fuqu ħa jkolli karriera tajba biex insir pereżempju tal-aħbarijiet u nintervista lin-nies.”
Ma’ dawn l-istudenti, ingħaqad ieħor li fi ħsiebu jaqbad it-triq tan-negozju.
“Jien għażilt ir-retail għax la nikber inkun naf kif nikkomunika man-nies u nesprimi u għażiltu wkoll għax jogħġobni u interessanti.”
“Il-vjaġġ tiegħi, nasal minn toroq differenti”, huwa programm edukattiv importanti li jibbilanċja bejn is-suġġetti akkademiċi, vokazzjonali u anki dawk applikati.
Il-programm jinvolvi tagħlim personalizzat u se jkollu forom differenti ta’ tagħlim u assessjar fejn l-istudenti jieħdu l-opportunità li jiksbu l-kwalifiki meħtieġa biex jibdew it-triq għad-dinja tax-xogħol.
Fuq kollox lill-istudenti staqsejniehom kif qed iħarsu lejn il-bidu ta’ sena skolastika ġdida.
Bla dubju kull bidla tnissel xi ftit biża’ u eċċitament.
“Naqra mbeżża’, imbeżża’ minħabba li dieħel skola ġdida u suġġetti ġodda u eċċitat għax nixtieq li nidħol għaliha bis-saħħa din il-karriera u nibqa’ sejjer biha.”
“Ħafna eċċitat għall-iskola l-ġdida, teachers differenti u rridu issa nitgħallem u nispera li mmur tajjeb.”