Fl-ewwel żjara tiegħu fi Franza bħala Prim Ministru tar-Renju Unit iddiskuta l-possibbiltajiet tal-ftehim Brexit mal-President Franċiż Emmanuel Macron.
Id-diskussjoni mal-ewwel intefgħet fuq il-kwistjoni tal-fruntieri Irlandiżi, li Macron sejjaħ bħala ‘indispensabbli’ iżda kruċjali għall-istabbiltà politika fil-pajjiż, u fis-suq waħdieni Ewropew.
Il-kwistjoni tal-hekk imsejjaħ backstop fuq il-fruntieri Irlandiżi, li jfisser li l-Irlanda ta’ Fuq tkun soġġetta għal spezzjonijiet fuq il-fruntieri, ma sabitx l-appoġġ ta’ Johnson f’Westminster, minkejja li l-għan tal-Gvern Ingliż kien u għadu li l-fruntieri Irlandiżi jsofru l-anqas impatt ta’ Brexit possibbli. F’Pariġi, Johnson qal li huwa fiduċjuż li bl-enerġija u bil-kreattività tal-partijiet kollha nvoluti, wieħed se jilħaq xi forma ta’ ftehim.
L-Erbgħa, il-Prim Ministru Johnson iltaqa’ wkoll mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, li tatu xahar ċans biex isolvi l-kwistjoni tal-fruntieri Irlandiżi fid-dawl li Johnson qal biċ-ċert li Brexit se jseħħ f’Ottubru li ġej, anke jekk ma jintleħaq ebda ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.