Dilettant tal-karnival tilef ħajtu traġikament wara li ħa xokk waqt li kien qed jagħmel l-aħħar preparamenti fuq il-karru li għada kien se jipparteċipa fil-karnival tas-sajf.
Ir-raġel bl-isem ta’ Jean Paul Bonnet kien jarma fil-kumpanija tal-karnival tal-Buffalo u għandhom il-maħżen tagħhom fil-Marsa.
Immedjatament fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li daħlu fejn ir-raġel li minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li nstab fin-nofs tal-karru mitluf minn sensih. Fl-istess waqt waslu wkoll tim mediku mmexxi mit-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri. Madankollu r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Aktar ma beda jgħaddi ħin bdew jaslu aktar dilettanti tal-karnival li dehru emozzjonati b’dak li kien qed jiġri quddiemhom. Fost dawk li ġew fuq il-post kien hemm ukoll il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici flimkien mad-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Audrey Demicoli, bl-investigazzjoni qed titmexxa mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt.
http://www.one.com.mt/2019/08/22/id-dilettanti-tal-karnival-mahsuda-bil-mewta-tragika-ta-jean-paul-bonett/