Fi żjara uffiċċjali f’Moska, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ltaqa’ mal-ex President tal-Unjoni Sovjeta Mikhail Gorbachev.
Din iż-żjara qed issir tletin sena mis-summit li sar f’pajjiżna bejn Gorbachev u l-President Amerikan ta’ dak iż-żmien George H. W. Bush. Dan is-summit sar bejn it-2 u t-3 ta’ Diċembru 1989, fuq vapur fil-port ta’ Marsaxlokk li wassal għat-tmiem tal-Gwerra Bierda.
Fiż-żjara ġewwa r-Russja, il-Ministru Abela kellu laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov. F’din il-laqgħa huwa ddiskutu dwar diversi affarijiet li jaffettwaw liż-żewġ pajjiżi u tkellmu dwar affarijiet li qegħdin isiru internazzjonalment.
Il-Ministru Abela żar ukoll il-proġett li qed isir mill-kumpanija Maltija, Corinthia. Din il-kumpanija qed taħdem fuq proġett ta’ lukanda b’ħames stillel f’Ulica Tverskaya fil-Kapitali Moska.
Il-Ministru Abela żar ukoll l-Ambaxxata Maltija għar-Russja, fejn huwa ltaqa’ ma’ dawk li jaħdmu f’din l-ambaxxata. Matul din iż-żjara uffiċċjali f’Moska, il-Ministru Carmelo Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għar-Russja, Pierre Clive Aguis u s-Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Fiona Formosa.