Quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament spikkat xena sabiħa u organizzata ta’ karozzi u segways ġodda tal-pulizija.
Bl-uffiċjali tal-Korp dritti mal-karozzi in-nies huma u deħlin il-Belt dehru jieħdu ritratti ta’ investiment li kważi jlaħħaq il-miljun ewro.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Dr. Michael Farrugia spjega kif il-Korp tal-Pulizija se jkollu ħamsin vettura ġdida fosthom disgħa u għoxrin minnhom pajżana għal branki speċjalizzati.
Il-Ministru Farrugia qal li l-korpi dixxiplinati kollha qed jaħdmu biex jimxu ‘l quddiem permezz ta’ investiment li qed isir.
Fakkar fl-importanza tat-tisħiħ tar-riżors uman u anki fit-taħriġ tal-uffiċjali.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar deher sodisfatt li l-pulizija se jkollha għodda aħjar biex topera.
Dawn il-vetturi se jintużaw fix-xogħol tad-distretti u fuq medda ta’ seba’ snin l-erba’ mitt vettura li għandu l-korp se jkunu kollha modernizzati.
Filfatt il-vetturi l-ġodda se jikkonsmaw inqas fjuwil.
Is-segways li jgħinu fir-rondi f’żoni pedonali huma importanti biex inaqqsu l-kriminalità fosthom il-pick-pocketing u dawk ġodda se jkunu stazzjonati fost l-oħrajn f’Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Qawra.
Fi tmiem l-inawgurazzjoni l-Kappillan tal-Korp Fr. Raymond Bonnici bierek il-vetturi u s-segaways li se jiswew mitqlu deheb għall-pulizija li jaħdmu b’tant dedikazzjoni.