“Tiġġudikax u ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom għall-glorja ta’ Alla”.
Hekk insibu fl-Ittra tar-Rumani! Iżda fil-Paniġierku tal-pontifikal tal-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara l-Ħadd li għadda, il-Prepostu Dun Pawl Vella ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-aġenda progressiva li ġabet aktar ugwaljanza f’pajjiżna b’mod parikolari bejn koppji tal-istess sess.
Il-Prepostu Vella ddedika kwart tal-paniġierku ‘solenni’ tiegħu, jattakka diversi miżuri li ttieħdu f’Malta fil-qasam tal-ugwaljanza fl-aħħar snin.
B’messaġġ ċar, il-Prepostu Dun Pawl Vella, quddiem knisja mballata bin-nies u fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, qabbel il-persekuzzjoni li kienet tgħix fiha Santa Liena u ż-żmien modern u progressiv li Malta qiegħda tgħix fih illum.
Il-Prepsotu Vella attakka l-liġijiet tad-divorzju u ż-żwieġ ugwali, fejn qal li min ma jaqbilx mal-liġi t’Alla, dik taż-żwieġ bejn raġel u mara, irid ibiddel.
“U xi ngħidu wkoll għal-liġijiet li jmorru kontra l-qdusija taż-żwieġ bejn raġel u mara. Min ma jridx lil Alla f’ħajtu anke l-ħolqien kif ħalqu Alla, jrid ibiddel.”
Il-Prepostu kompla l-paniġirku tiegħu billi akkuża lis-soċjetà progressiva li qiegħda tipprova “toqtol” lill-Insara veri, għax skontu dawn qegħdin iħossuhom li qegħdin idejqu l-umanità.
“U Allura min ma jaqbilx ma’ dawn talin jitwarrab mis-soċjetà anke jekk hemm bżonn noqtluhom biex ma jkomplux idejqu l-umanità li skont din l-aġenda kontiwanent tinfirex għad-detriment tal-bniedem, hemm bżonn li tiżviluppa”, tenna jgħid Vella.
Bi kliem aktar ċar, il-Prepostu Vella qal li l-aġenda progressiva hija waħda li qiegħda teqred lill-umanità.
Is-saċerdot semma kif din l-aġenda qiegħda ċċaħħad lin-nies li jemmnu fil-progressività, mill-prinċipju li Alla ħalaq raġel u mara.
“Din l-aġenda, hekk imsejħa progressiva, imma li teqred lill-bniedem innifsu, qed iċċaħħad lill-bnedmin stess minn prinċipju fundamentali u sagrosant, lill-bniedem maħluq minn Alla raġel u mara”.
Huwa temm jgħid li hija ħasra li huma ħafna li qegħdin jimxu wara dawn l-ideat żbaljati u mgħawġa u jaħsbu li mexjin fit-triq tajba.
Dan id-diskors jikkuntrasta bil-kbir ma’ rapport tal-Isqfijiet li ġie diskuss fl-aħħar snin fis-sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma li ħeġġeġ lill-Knisja Kattolika biex tuża lingwaġġ aktar pożittiv fil-konfront ta’ persuni omosesswali waqt li tagħraf l-aspetti pożittiv bejn koppji tal-istess sess.