Wara saga ta’ dsatax-il jum żblokk ġdid għal aktar minn mitt immigrant abbord il-bastiment Open Arms.
Dan hekk kif fi stqarrija l-Gvern Spanjol qal li ser jibgħat bastiment navali lejn il-Gżira Taljana ta’ Lampedusa sabiex jieħu l-mija u seba’ immigrant abbord l-Open Arms lejn il-port ta’ Mallorca fi Spanja.
Il-Bastiment Navali, Audaz, salpa mill-port Spanjol għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofshinar tal-jum tat-Tlieta u mistenni jdum tliett ijiem sabiex jasal f’Lampedusa.
Hawnekk l-awtoritajiet Spanjoli ser jieħdu taħt idejjhom l-Immigranti abbord dan il-bastiment hekk kif ser jieħdu lill-Open Arms lejn Spanja.
Dan wara li l-midja internazzjonali rrapurtat li disa’ immigranti dehru jaqbżu mill-bastiment Open Arms fil-baħar, b’tama li jidħlu fil-port ta’ Lampedusa, bid-diretturi tal-Open Arms jipruvaw isalvaw lil dawn l-immigranti u jiddeskrivu s-sitwazzjoni tal-bastiment “bla kontroll”.
Il-bastiment Open Arms salva lil dawn l-immigranti ħdejn il-kosta Libjana fit-Tnejn ta’ Awwissu, liema bastiment ġie rrifjutat mill-Awtoritajiet Taljani.
Fuq dan il-bastiment kien hemm abbord 124 immigrant, iżda t-Tnejn li għadda, il-Ministru Taljan Salvini, ta l-approvazzjoni lil 17-il immigrant taħr l-eta sabiex jidħol fil-Port Taljan.