Id-19 ta’ Awwissu hu l-Jum Dinji tal-Fotografija fejn bosta fotografi jiċċelebraw dan il-jum billi jaqsmu l-aktar ritratt għal qalbhom fuq il-midja soċjali li ħadu matul il-karriera tagħhom.
Dan il-jum oriġina mill-invenzjoni Daguerreotype, li hu proċess li jiżviluppa r-ritratti li nħloq minn Louis Daguerre u Joseph Nicephore Niepce lura fl-1837.
Fid-9 ta’ Jannar fl-1839 l-Akkademja Franċiża tax-Xjenza ħabbret dan il-proċess fejn fid-19 ta’ Awwissu, il-Gvern Franċiż xtara l-permess ta’ din l-invenzjoni u ħabbar li se jkun qed jagħtiha lil kulħadd b’xejn bħala rigal.
Id-Daguerreotype ma kinx l-ewwel ritratt permanenti fotografiku. Hekk kif fl-1828, Niepce ħa l-ewwel ritratt permanenti magħruf bħala “View from the Window at Le Gras” b’proċess li jissejjaħ heliography.
L-ewwel ritratt li ttieħed bil-kulur kien fl-1861 minn Thomas Sutton fejn il-proċess kien ta’ tliet ritratti meħudin iswed fuq l-abjad fejn wara jgħaddu minn proċess ta’ tliet kuluri differenti, kulur wieħed abbinat ma’ ritratt wieħed bil-kuluri jkunu l-aħmar, il-blu u l-isfar. Iżda dan il-proċess kien wieħed diffiċli u ma kinx daqstant perfett tant li spiċċa ntesa’.
Kien fl-2010 fis-19 ta’ Awwissu li l-World Photo Day tellgħet l-ewwel gallarija globali tal-fotografija b’madwar 270 fotografu qasmu l-aktar ritratti favoriti fejn persuni minn aktar 100 pajjiż differenti daħlu fis-sit.
Fuq nota differenti, kien fl-1839 li ttieħed l-ewwel tip ta’ selfie minn Robert Cornelius fejn għolla l-kamera ‘l fuq u ħa ritratt. Filwaqt li l-ewwel ritratt diġitali ttieħed fl-1957, 20 sena qabel l-inġinier ta’ Kodak ħoloq l-ewwel kamera diġitali.