Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, jinsab taħt pressjoni qawwija wara l-aħbar li l-festi tal-Indipendenza mhux se jsiru fuq il-Fosos tal-Furjana.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd li rrapportat kif anke waqt u wara l-laqgħa tal-eżekuttiv ta’ nhar it-Tlieta qamu bosta mistoqsijiet. Ħafna staqsew fejn marru l-flus li Arrigo jgħid li ġabar f’maratoni suppost rekord.
Biex tgħaxxaq, fl-istess jiem li l-partitarji tal-Partit Nazzjonalista skoprew li l-Festi tal-Indipendenza mhumiex se jsiru fuq il-Fosos tal-Furjana, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli bagħat email jitlob iktar flus.
Il-flus qed jitlobom bil-lest għall-maratona li se ssir fis-6 ta’ Ottubru.
Din hi email ta’ disprament bil-għan li l-attivisti jibdew jiġbru l-flus minn issa.
Għalkemm ma nkitbitx fl-email, membri ta’ kumitati sezzjonali kienu mgħarrfa li jekk għandhom flus li jistgħu jmorru bihom qabel huma mħeġġa jagħmlu dan.
L-email nisslet rabja kbira għax intbagħtet proprju f’mument fejn it-tmexxija ddiżappuntathom bil-kbir, bl-aħbar li l-festi tal-indipendenza iċċaqilqu għal tal-Pietà.
Wara din id-deċiżjoni laqqat xebgħa kritika wkoll Robert Arrigo.
Wara kollox kien hu l-iktar wieħed li ftaħar fl-aħħar xhur kull darba li kien hemm maratona ġbir ta’ fondi.
Intant, l-istess gazzetta żvelat ukoll li ġurnata ta’ ġbir ta’ fondi f’għeluq snin il-Kap Adrian Delia marret ħażin ħafna. Tant li t-tmexxija baqgħet ma ħabritx kemm kienet is-somma miġbura.