Fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, fl-elf disgħa mija u erbgħin, il-qawwiet ta’ Mussolini attakkaw lil Malta bl-ewwel bombi mill-ajru, bil-Gżira tkun waħda mill-lokalitajiet vittma ta’ dawn l-attakki.
Fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa tnax ta’ Ġunju elf disa’ mija u erbgħin, bomba waqgħet quddiem l-Orpheum. Iżda, ma splodietx.
Skoprejna li din il-bomba għadha teżisti sal-lum il-ġurnata u issa qiegħda għand is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Mache.
F’kumment ma’ One News, propju fuq il-post fejn waqgħet din il-bomba, Charles Borg, iben il-persuna li ġabret din il-bomba kważi tmenin sena ilu, spjega magħna l-istorja tagħha.
Spjega kif “Niftakarha dejjem imdendla fis-salott t’ommi u ġieli saqsejna lil missieri u missieri jgħidilna li kien ġabarha u kitbulha storja biex aħna nidtħattu naqra fuqha…missieri kien mekkanik u jbigħ is-silġ u ġabar din il-bomba u ġabar din il-bomba kellu garaxx hawn wara fit-triq l-oħra u kien kitbilha l-affarijiet fuqha.”
Is-Sindku Borg Manche irrakonta xenarju minn djarju dwar it-Tieni Gwerra Dinjija li juri x’kien ġara proprju fil-ġurnata li nstabet din il-bomba.
Qal kif “Fit-12 ta’ Ġunju, it-tieni ġurnata tal-Gwerra, kienu sabu żewġt itfal mirdumin taħt it-twaqqigħ u sabuhom mingħajr girfa iġifieri naħseb miraklu kien u kienu bilġuħ.. fil-Gżira wkoll għandna mal-ħamsa u għoxrin xelter hemm minnhom privati u qed nibdew naħdmu biex niftħuhom”
B’hekk, temm jgħid s-Sindku,bil-ħidma tal-Kunsill Lokali fiż-żmien li ġej il-pubbliku se jkollu ċans jara b’għajnejh l-ewwel xelter fil-post fejn waqgħu l-ewwel bombi mill-ajru fil-Gżira.