Hekk kif ħafna plejers professjonali tal-football internazzjonali itemmu l-karriera tagħhom fl-Istati Uniti, ċ-Ċina jew billi jidħlu fid-dinja tal-coaching, ma jistax jingħad l-istess għall-istilla tal-football Taljan Christian Vieri.
Wara 30 sena jpaxxi lid-dilettanti tal-logħba tal-ballun, issa Vieri qed ipaxxi lin-nies b’mod ieħor.
Le, mhux billi jorganizza l-festini fil-villa tiegħu iżda billi tul din l-aħħar sena bena karriera oħra ta’ DJ, u bħalissa qed idur diversi clubs madwar id-dinja fosthom fl-Istati Uniti u fl-Italja.
Ftit sigħat wara li daqq waqt il-festival Summer Daze f’Malta, ONE News tkellem ma’ Christian Vieri, li saħaq li din il-bidla fil-karriera kienet xprunata minn ħbiberija speċjali.
Mistoqsi dwar jekk ħassx in-nuqqas tal-futbol, Vieri saħaq li wara karriera twila kellu bżonn bidla.
Madankollu Vieri xorta ħares lejn il-karriera twila tiegħu b’nostalġija.
F’Malta, Vieri ltaqa wkoll mal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u flimkien ddiskutew kollaborazzjonijiet futuri li jistgħu jkomplu jpoġġu lil pajjiżna fil-mappa tax-xena mużikali u tal-avvenimenti ta’ fama mondjali.