L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess biex ikun jista’ jibda x-xogħol fuq Villa Lauri f’Birkirkara.
Wara ftehim bejn il-gvern u l-patrijiet franġiskani, din il-villa se tinbidel f’akkomodazzjoni temporanja għal Għawdxin li jkollhom bżonn jistudjaw jew jieħdu kura f’Malta.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, fakkret kif din hi wiegħda oħra tal-baġit li qed titwettaq.
Spjegat li biex seta’ jsir dan kien hemm proċess li ra l-bidu tiegħu b’diskussjonijiet biex tinkiseb il-proprjetà.
Il-Ministru Caruana qalet: “Krejna l-propjetá mingħand il-patrijiet f’Birkirkara ħareġ il-permess ukoll mingħand l-Awtoritá tal-Ippjanar u hemm ukoll it-tendering process biex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet”.
Il-binja hija waħda li għandha valur artkittetoniku importanti. Xi ħaġa li hi riflessa wkoll fil-pjani li hemm.
Caruana tenniet “Din hija binja importanti u għandha valur arkitettoniku allura rridu nassiguraw li filwaqt li nagħmlu xogħlijiet li jindirizzaw dak li għandna bżonn inkunu wkoll sensittivi għas-sbuħija arkitettonika li għandha din id-dar”.
Il-permess approvat jaħseb biex din il-binja issa jkollha tlieta u tletin kamra, fil-maġġoranza assoluta tagħhom għal studenti Maltin li jinżlu jistudjaw f’istituzzjonijiet edukattivi f’Malta, fosthom l-Università ta’ Malta.
“Hija dar li se tkun qed tilqa’ fiha 33 persuna. Għanda 33 kamra fejn 28 minnhom ser ikunu mmirati għall-istudenti fejn ħa jkollhom il-faċilitajiet għalihomu ħamsa oħrajn ser ikunu mmirati għal familji ta’ pazjentili jkunu rikoverati fl-isptarijiet ġewwa Malta”, temmet tgħid il-Ministru Caruana.
Ladarba tkun aġġudikata s-sejħa għall-offerti allura jkun jista’ jibda x-xogħol, bil-pjan hu li dan isir sa Novembru.