Meta fl-aħħar jiem żorna l-uffiċini tal-ARMS fil-Blata l-Bajda innotajna li l-ħaddiema ta’ din l-entità ma naqsilhomx ix-xogħol.
Bil-Kap tal-Operat, Nikita Zammit Alamango tispjega li bħalissa bosta nies jieħdu l-okkażjoni biex imorru jagħmlu dik il-bidla li għandhom bżonn, jew jiċċaraw dak id-dubju li forsi seta’ nqalalhom fl-aħħar jiem.
“Bħal dan iż-żmien ħafna nies jirrikorru għall-użu u l-uffiċini tagħna. Bħalissa naraw surge kbira għaliex ħafna nies ikunu forsi bil-leave jew bix-shutdown jieħdu l-opportunità biex jiġu anke jiġu jagħmlu l-qadi tagħhom”, qalet Zammit Alamango.
Iżda, il-kommunikazzjoni llum il-ġurnata tmur lil hinn minn żjara f’uffiċċju.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-entità li toffri servizzi marbuta mal-kontijiet tal-elettriku u l-ilma f’pajjiżna, estendiet il-mezzi tal-kommunikazzjoni tagħha fuq Facebook – f’bidla li permezz tagħha se tkun aktar viċin in-nies.
Il-bżonn li dan isir inħass ukoll għax minkejja li l-kumpanija kienet nieqsa mill-midja soċjali, il-klijenti kienu jmorru fuq diversi paġni oħra biex jistaqsu jew jiddiskutu dwar xi diffikultajiet li kienu jiltaqgħu magħhom. U filwaqt li l-ilment jinfirex mhux bilfors kien jasal għand l-uffiċjali tal-ARMS.
Hi sostniet: “Aħna ħassejna li wasal iż-żmien illi nagħmlu l-paġna tagħna biex ovvjament inkunu aktar metikolużi, nagħtu servizz aktar efettiv u effiċjenti biex nirrispondu l-mistoqsijiet jew il-complaints li jagħmlu n-nies fuq il-paġna ta’ Facebook”.
Zammit Alamango spjegat kif f’pajjiż b’attività ekonomika li qed tikber huwa naturali li d-domanda għas-servizzi tal-ARMS tiżdied.
“Aħna rridu nleħqu mad-domanda tan-nies biex inkomplu nagħtuhom l-aħjar servizz u nimpruvjaw għaliex nafu li ovvjament m’aħniex perfetti, imma kemm jista’ jkun fl-aħħar snin qed naraw li nagħtu servizz aħjar u l-klijenti joħorġu aktar sodisfatti.” temmet tgħid Zammit Alamango.
Il-Kap tal-Operat temmet tgħid li fl-era diġitali, is-servizzi online joffru aktar kumdità, anke jekk xorta għad hemm persuni li jippreferu l-kuntatt uman.