Għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet ta’ loġistika biex f’inqas minn xahar, tittella l-15-il edizzjoni tal-maratona ta’ 60 siegħa futbol u volleyball b’risq Puttinu Cares.
Festa għall-familja kollha li matulha jkunu bosta dawk li esperjenzaw l-imrar tal-ħajja u ġew bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu, u jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-pubbliku.
Ewlenin fosthom se jkun hemm iċ-ċkejken Kane Debattista – li fl-aħħar xhur seraq il-qlub ta’ bosta bl-istorja tiegħu, u li proprju se jkun hu li jaqta’ ż-żigarella u jiftaħ il-maratona.
Iltqajna ma’ missier Kane, fil-jum li ibnu kien qed jieħu l-aħħar trattament ta’ kimoterapija fil-ġlieda tiegħu kontra l-kanċer.
“Kienet triq iebsa, triq twila, konna ilna għaddejjin fuq sena non-stop, imma l-fatt li spiċċa l-chemotherapy naħseb li għalija daqslikieku rbaħt il-lotterija.”
“Kienet sena ta’ sfidi kbar, b’missier Kane – viżibbilment emozzjonat – jgħid li ma jfissirx li għax spiċċa l-kimoterapija, rebaħ il-battalja.
“L-ikbar sfida kienet meta kellna mmorru barra minn xtutna għal operazzjoni sinjifikanti ħafna li hawn Malta ma ssirx. Li taqsam il-baħar ukoll biżżejjed aħseb u ara għal xiex ħa taqsmu.”
Huma bejn 60 u 90 pazjent, li ta’ kull xahar jiġu bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares biex isiefru l-Ingilterra għall-kura, u kulma jmur dan in-numru qed jiżdied.
Għaldaqstant, il-maratona ta’ din is-sena hija kruċjali biex Puttinu Cares iwettaq proġett ġdid fiċ-ċentru ta’ Londra.
Angele Cuschieri qalet “Din hija festa ta’ familja għal kulħadd, id-dħul huwa b’xejn, ħa jkun hemm ħafna attivitajiet u min jiflaħ jilgħab il-futbol nistiednu lill-kumpaniji kollha, ħbieb, jingħaqdu jiġu jilagħbu l-futbol. Dawk li għandhom it-tfal għandhom xalata t’attivitajiet għat-tfal u ħafna entertainment filgħaxija, u min ma jistax jingħaqad magħna hemmhekk ħa nkunu qed inxandru live fuq l-istazzjonijiet kollha lokali.”
Missier Kane appella biex kulħadd jgħid lil dawk inqas ixxurtjati, u fl-istess waqt, dawk li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ mard, jagħmlu kuraġġ b’xulxin.
“Għall-grazzja t’Alla sibna għajnuna mingħand kulħadd speċjalment mingħand Puttinu Cares li llum il-ġurnat it-tieni familja tiegħi.”