Fl-aħħar ħames snin żdiedu bil-kbir l-ammonti ta’ siġar u arbuxelli li tħawlu f’pajjiżna. Mitlub jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm tħawlu siġar mis-sena 2014 sal-lum il-Ministru għall-Ambjent spjega kif eluf ta’ siġar tħawlu fi bnadi differenti madwar il-pajjiż bit-total ikun ta’ 23,100 siġra u arbuxell.
F’numru ta’ proġetti l-awtoritajiet qed jidħlu sħab ma’ għaqdiet mhux governattivi involuti f’ħidma ambjentali bil-għan li jmexxu kampanji flimkien. Is-sena li għaddiet kienet waħda mill-iktar li tħawlu siġar u dan għax qed jinżamm l-impenn tal-Gvern li jħawwel siġra għal kull tifel jew tifla li titwieled f’Malta. Minn din is-sena hemm ukoll l-impenn li titħawwel siġra għal kull karozza li tiġi importata lejn pajjiżna. B’hekk ifisser li din is-sena mistennija terġa’ tkun waħda li tara ammont kbir ta’ tħawwil ta’ siġar.
Intant, fl-2014 tħawlu 3,240 siġra li skont tagħrif li għandna jirriżulta li fil-maġġoranza qed jikbru tajjeb. Għalkemm kien hemm każi, bħal dawk fl-Aħrax tal-Mellieħa, fejn is-siġar kienu vandalizzati. Fejn ikun hemm xi siġra li tmut l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent jieħdu ħsieb li titħawwel oħra mill-ewwel.
Is-sena li għaddiet kien hemm tħawwil ta’ 2,543 siġra fl-2015 b’mod partikolari fil-Buskett fejn tħawlu 1,238 siġra. Fl-2016 tħawlu wkoll 2,771 siġra.
Mill-2017 l-ammont ta’ siġar imħawla kien ta’ 4,421 madwar il-pajjiż.
Is-sena li għaddiet imbagħad tħawlu 10,185 siġra f’madwar 30 lok differenti madwar il-pajjiż.
Din is-sena diġà beda programm ta’ tħawwil ta’ siġar u l-Ministeru għall-Ambjent ikkonferma kif hemm maħsuba għadd ta’ proġetti oħra fosthom wieħed mad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li wkoll għandu jara eluf ta’ siġar ġodda jitħawlu.
Mitlub jikkummenta dwar dawn l-inizjattivi l-Ministru għall-Ambjent qal: “Il-ħolma tiegħi meta waqqaft Ambjent Malta kienet li jkollna l-għodda meħtieġa biex nagħmlu qabża kbira ’l quddiem fejn jidħol tħaddir ta’ pajjiżna. Illum filwaqt li qegħdin inkomplu għaddejjin bil-ħidma biex insaħħu Ambjent Malta, qegħdin naraw ir-riżultati fejn ir-rata ta’ tħawwil ta’ siġar qiegħda tikber b’mod konsiderevoli. Filwaqt li ftit snin ilu konna qed inħawlu mal-2,000 siġra fis-sena, illum qegħdin inħarsu lejn proġetti li bejniethom qed iwasslu għal eluf kbar. Insemmi eżempju Wied Fulija fejn ser jitħawlu 45,000 siġra u arbuxell. Huwa stmat li l-ħidma li ħa nibdew mill-ħarifa li ġejja se nkunu qegħdin inħawlu mal-45,000 siġra u arbuxelli oħra f’diversi postijiet.”
Fil-fatt f’Wied Fulija miżbla mitluqa u ma tintużax fiż-Żurrieq u li tkopri 95,000m2 ser tinbidel f’park naturali. Il-Ministru Herrera ddikjara li “dan il-proġett mhux biss se jnaqqas it-tniġġis, imma l-iżvilupp millġdid u t-tisbiħ ta’ dan is-sit ser itejjeb ukoll l-ambjent naturali tal-madwar u ser jipprovdi lill-komunità park naturali b’żona ekwivalenti għal disa’ darbiet id-daqs tal-Istadium Nazzjonali.”
Ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni bdew f’Marzu 2019 bil-għan li sa Diċembru 2020 jitlesta l-proġett.
Is-sit beda jintuża bħala miżbla lura fl-1979 u ma baqax jaċċetta l-iskart fl-1996. Is-sit ikopri madwar 95,000m2 u huwa stmat li matul il-perjodu operattiv ġew depożitati madwar 1.85 miljun tunnellata ta’ skart. Huwa stmat li waqt li s-sit kien attiv, kull tip ta’ skart, inkluż skart perikoluż, ġie mormi f’din il-miżbla. Mażżmien beda jitkaxkar l-iskart u jinxterred mal-irdum bil-konsegwenza li jispiċċa fil-baħar u s’issa m’hemm l-ebda sistema fis-seħħ biex tipprevjeni dan l-impatt detrimentali.